Lokali

SKANDLU PANAMA: Il-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi għadha miftuħa

Minkejja li kien qal li se jkun qed jagħlaq il-kumpanija sigrieta tiegħu fil-Panama ladarba jintemm l-audit, Konrad Mizzi għad għandu l-kumpanija tiegħu Hearnville Inc miftuħa. Dan ġie żvelat minn The Malta Independent on Sunday li kixfet li Konrad Mizzi qed imur kontra l-wegħda tiegħu.

Fil-fatt, l-audit ilu li ntemm minn Settembru li għadda, jiġifieri 6 xhur ilu. Iżda, skont informazzjoni mill-Panamian Registration of Companies, il-kumpanija ta’ Konrad Mizzi għadha miftuħa sal-ġurnata tal-lum.

Dak li qed jiġi żvelat illum ipoġġi dell ġdid fuq dan l-iskandlu li ma waqaf qatt minn Frar 2016, meta ġie żvelat għall-ewwel darba. Minbarra Konrad Mizzi, anke ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri nqabad li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha, bħal Konrad Mizzi, jpoġġi miljun ewro fis-sena ġejjin mill-commissions.

L-audit li ppreżenta Konrad Mizzi ma wassal għall-ebda serħan il-moħħ mill-poplu Malti u Għawdxi, għaliex l-emails żvelati fil-Panama Papers kienu kixfu l-veru raġuni għalfejn hu u Keith Schembri fetħu strutturi l-istess fil-Panama – pajjiż ta’ segretezza kbira. Minbarra Konrad Mizzi u Keith Schembri, hemm persuna oħra li għandha t-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama – Egrant Inc. – li isimha, tant kemm kien importanti, li ma ntbgħatx permezz ta’ email iżda ngħadda waqt telefonata fuq Skype.