Lokali

Żvelat pjan biex il-kanvaser tal-Ministru Evarist Bartolo ma jitressaqx b’akkużi ta’ korruzzjoni

Il-gazzetta il-mument illum żvelat li numru ta’ kuntratturi Għawdxin li fl-aħħar snin għamlu xi xogħol  għall-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jiffaċċjaw pressjoni kbira minn kuntratturi oħrajn biex ma jixhdux il-verità, u jagħmlu dikjarazzjoni li Edward Caruana, il-kanvaser ta’ Evarist Bartolo, ma talabhom ebda flus. Diversi kuntratturi minn Għawdex tkellmu ma’ il-mument u esprimew ir-rabja tagħhom għall-fatt li wara li spiċċaw involuti f’dan il-każ mingħajr ebda tort, issa hemm min qed jagħmlilhom il-pressjoni biex jgħattu lil ħaddieħor.

L-aħwa Caruana: Joseph (xellug) Edward (lemin)

Pressjoni fuq il-kuntratturi

Kuntrattur minnhom li tkellem ma’ il-mument sostna li kuntrattur ieħor Għawdxi – li din il-gazzetta taf min hu – qed idur lill-kuntratturi kollha li ssemmew f’dan il-każ, u jgħidilhom li kien qed jibagħtu Edward Caruana biex jinsisti magħhom li joħorġu dikjarazzjoni u fiha jgħidu li Edward Caruana qatt ma talabhom flus. Dan fid-dawl tal-allegazzjoni serja ta’ korruzzjoni li qed jiffaċċja l-kanvaser tal-Ministru Evarist Bartolo, li kien jieħu ċ-ċekkijiet hu personalment lil dawn il-kuntratturi Għawdxin. Evarist Bartolo kien jaf b’dan kollu, tant li saret referenza għal dan f’emails li l-Ministru kellu mal-eks-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Philip Rizzo.

Fl-aħħar jiem ġie żvelat li Edward Caruana qed idur u jgħid lil kulħadd li dalwaqt jingħalaq il-każ tiegħu u jkun meħlus minn kollox. Dan minkejja li l-Ministru Evarist Bartolo għadu lanqas biss issejjaħ mill-Pulizija biex jagħti l-verżjoni tiegħu tal-fatti f’din l-investigazzjoni.

Dan l-iskandlu ta’ korruzzjoni fil-bini tal-iskejjel kien faqqa’ f’Novembru li għadda meta ġew żvelati emails u SMSs li kienu għaddew bejn il-Ministru Evarist Bartolo u Philip Rizzo, u li fihom, Philip Rizzo kien ġibed l-attenzjoni ta’ Evarist Bartolo dwar dak li kien qed jagħmel Edward Caruana. Dak iż-żmien, il-Partit Nazzjonalista kien akkuża li hemm korruzzjoni fid-direct orders li ngħataw mill-Ministeru ta’ Evarist Bartolo, li Evarist Bartolo kien ilu jaf b’dawn l-allegazzjonijiet minn tal-anqas tmien xhur, li Evarist Bartolo ma ħa ebda pass wara li sar jaf bihom, u li Evarist Bartolo għamel pressjoni biex dawn l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni jinżammu moħbija u ma jitteħdux passi.

Issa, hekk kif il-midja u anke l-Partit Nazzjonalista qed jagħmlu pressjoni biex din l-investigazzjoni tal-Pulizija tintemm u jittieħdu l-passi li għandhom jittieħdu, jidher li qed jinħema pjan biex il-verità tinqaleb rasha ’l isfel u Edward Caruana jinħeles mill-akkużi kontrih. Parti minn dan il-pjan li qed tiżvela il-mument hu proprju li l-kuntratturi Għawdxin ikunu mġiegħla jagħmlu dikjarazzjoni li tpoġġi lil Edward Caruana f’lenti tajba, kuntrarjament għall-fatti kollha żvelati mill-gazzetti u l-ġurnali Maltin. L-investigazzjoni tal-Pulizija ilha għaddejja sitt xhur, u minkejja dawn il-ġimgħat kollha, Edward Caruana għadu ma ttellax il-Qorti b’akkużi ta’ korruzzjoni.

Korrispondenza turi x’kien qed jagħmel il-kanvaser ta’ Evarist Bartolo

Fil-bidu meta faqqa’ dan l-iskandlu, Evarist Bartolo pprova jagħti l-impressjoni li hu ma kien jaf b’xejn b’dak li kien qed isir, iżda Philip Rizzo, li ma kellu ebda triq oħra ħlief li jirriżenja mill-FTS minħabba dak li kien għaddej, kien fakkru biex idur il-Hotmail tiegħu, fejn kellu korrispondenza ċara li tindika dak li kien qed iseħħ minn Edward Caruana. Edward Caruana hu qrib ħafna tal-Ministru Evarist Bartolo, u jiġu ħu s-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru tal-Edukazzjoni, Joseph Caruana.

Il-Ministru Bartolo għadu ma ntalabx jixhed

Mhux magħruf jekk dan il-pjan li qed tiżvela il-mument hux konxju tiegħu l-Ministru Evarist Bartolo, li kull darba li ġie mistoqsi dwar din l-investigazzjoni, dejjem żamm lura milli jagħti dettalji.

Madankollu, aktar kmieni din il-ġimgħa, hu ammetta mal-mikrofonu ta’ Net News, li minkejja li għaddew sitt xhur mill-bidu tal-investigazzjoni, hu għadu ma ssejjaħx biex jagħti x-xhieda tiegħu.

Din il-ġimgħa wkoll, Evarist Bartolo pprova jfarfar mill-investigazzjoni li qed issir mill-IAID – id-Dipartiment li jagħmel investigazzjonijiet interni ta’ awditjar – tant li meta kien mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista George Pullicino dwar jekk Mark Anthony Debono għandux kunflitt ta’ interess, Evarist Bartolo tefa’ l-ballun f’saqajn il-Prim Ministru u qal li mhux hu għażel min jagħmel din l-investigazzjoni.

Mark Anthony Debono tqabbad mill-IAID biex jagħmel xogħol ta’ quantity surveying b’rabta mal-investigazzjoni dwar it-tender tal-FTS ta’ supply u tqegħid ta’ madum mill-kuntrattur fl-iskola f’Tal-Ħandaq, u dan meta l-istess individwu sa ftit taż-żmien ilu kien impjegat tal-istess FTS.