Hekk kif f’Settembru se ssir l-elezzjoni ġenerali fil-Ġermanja, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, li f’dan il-vot qed tfittex ir-raba’ mandat tagħha, kellha aħbar tajba.
Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa l-Partit Demokristjan (CDU) tagħha kellu rebħa faċli fl-elezzjoni fl-Istat ta’ Saarland. Elezzjoni li ngħatat ħafna importanza peress li hi indikatur ta’ kif jistgħu jmorru l-affarijiet.
Is-CDU rebaħ 40.7 fil-mija tal-voti filwaqt li s-Soċjal-Demokratiċi (SPD), l-avversarju ewlieni, kiseb 29.6 fil-mija tal-voti.
Merkel tinsab taħt pressjoni kbira u minn mindu Martin Schultz, l-eks-President tal-Parlament Ewropew, inħatar kap tal-SPD, il-partit tiegħu beda sejjer tajjeb fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika. Għalhekk kien hemm interess f’din l-ewwel elezzjoni għal Schultz bħala kap tal-SPD.
Is-Saarland hu stat żgħir fejn jgħixu mal-miljun persuna u bħalissa jitmexxa mis-CDU u l-SPD.
L-elezzjoni ġenerali Ġermaniża se ssir fl-24 ta’ Settembru u Merkel tinsab taħt pressjoni kemm minħabba t-tmexxija ġdida fit-tmun tal-SPD kif ukoll minħabba l-kwistjoni li kien hemm dwar il-linja li adottat rigward l-immigrazzjoni. Linja li issa bidlet xi ftit u adottat linja aktar iebsa.
Skont stħarriġ li sar mid-Deutschlandtrend għat-televiżjoni nazzjonali Ġermaniża, is-CDU u l-SPD jinsabu ras imb ras imma bħala mexxej Schultz kellu distakk fuq Merkel.
F’Saarland, l-istħarriġ kien qed jagħti distakk żgħir għas-CDU u li seta’ jkun hemm koalizzjoni mmexxija mill-SPD u l-Ħodor u l-partit estremista tax-xellug, il-Linke. Imma dan ma seħħx. Barra minn hekk, is-CDU żdiedu fil-voti mill-elezzjoni
tal-2012 u minn 35.2 fil-mija telgħu għal 40.7 fil-mija.
Iżda l-Alternativa għall-Ġermanja (AfD), il-partit estremista tal-lemin, irnexxielu jikseb siġġu fil-Parlament tas-Saarland wara li rebaħ 6.2 fil-mija tal-voti.
//= $special ?>