Lokali

Fejn falliet l-UE għandha tkun is-soċjeta’ li toffri soluzzjoni – Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Organizzat forum mill-MOAS

Mill-2014 sa llum ġew salvati aktar minn 33,000 persuna inkluż tfal mill-MOAS, il-Migrant Offshore Aid Station. Il-MOAS hi għaqda li taħdem sabiex issalva l-ħajja ta’ eluf ta’ immigranti li jaqsmu l-baħar Mediterran biex eventwalment isibu ħajja aħjar fl-Ewropa.

Is-sena l-oħra kienet l-aktar sena li tilfu ħajjiethom immigranti waqt li kienu qed jaqsmu l-baħar Mediterran lejn l-Ewropa. B’kollox 5085 li jfissru 14-il persuna għerqet kuljum.

F’Ottubru tal-2013 żewġ dgħajjes għerqu barra l-kosta tal-gżira taljana Lampedusa. Dan wassal biex mal-1,000 immigrant miet

Dawn il-fatti kienu d-diskussjoni tal-forum organizzat mill-MOAS bl-iskop li jsibu soluzzjoni biex ebda persuna oħra ma tmut waqt li qed taqsam il-baħar Mediterran biex issib futur mingħajr persekuzzjoni f’xi pajjiż Ewropew.

Matul dan il-forum ipparteċipa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li semma’ kif tul is-snin li għamel bħala Membru Parlamentari Ewropew kien jindirizza ħafna drabi lill-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-Immigrazzjoni rregolari b’mod partikolari mill-kontinent Afrikan.

Simon Busuttil qal li jaqbel ma’ dak li qed tipproponi l-MOAS li jkun hemm qafas legali li jwassal għar-regolarizazzjoni ta’ immigranti li qed ifittxu ażil.

Qal wkoll li jekk l-istati ma kinux kapaċi jaslu għal soluzzjoni għandha tkun is-soċjeta’ Ewropea li tagħmel dan.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil temm jgħid li l-proposti tal-MOAS se jkun qed jagħmel referenza għalihom waqt il-kungress tal-Partit Popolari Ewropew li se jsir din il-Ġimgħa.

Ikkummenta