Kungress EPP Malta Lokali Unjoni Ewropea

FILMAT: Fl-aqwa tagħhom il-preparamenti għall-Kungress tal-PPE

Għal dan il-Kungress se jattendu delegazzjonijiet minn madwar 40 pajjiż Ewropew u se jattendu wkoll 12-il Kap ta' Gvern

Ilbieraħ bdew jaslu f’pajjiżna d-delegati u uffiċjali tal-Partit Popolari Ewropew – dan hekk kif jumejn oħra jingħata bidu għall-Kungress li se jsir f’Malta. Il-preparamenti għal dan l-avveniment tant importanti qed jilħqu l-qofol tagħhom fil-lukanda Intercontinental f’San Ġiljan.

Il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew huwa avveniment kbir li jagħti se jpoġġi lil Malta fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-media internazzjonali. In-Nazzjon ħadet il-kumment ta’ Angelito Sciberras il-Koordinatur f’Malta għall-Kungress tal-Partit Poplari Ewropew, fejn spjegalna t-tħejjijiet kollha li qegħdin isiru u qegħdin fl-aħħar irtokki wara , xhur twal ta’ ħidma bla waqfien. Angelito Sciberras stqarr li hekk kif il-Partit Popolari Ewropew aċċetta t-talba tal-Partit Nazzjonalista biex dan il-Kungress jittella’ f’Malta, mal-ewwel bdiet il-ħidma minn tmintax il-xahar ilu. Hu stqarr li għal din l-attivita’ se jkun hawn aktar minn 1,500 delegat flimkien ma’ madwar 200 ġurnalist li se jkunu qegħdin isegwu dan l-avveniment u jxandruh fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Għal dan il-Kungress se jattendu delegazzjonijiet minn  madwar 40 pajjiż Ewropew u se jattendu wkoll 12-il Kap ta’ Gvern.

Media.link Communications ukoll se tkun minn ta’ quddiem li twassal l-aħbarijiet minn dan il-Kungress tal-Partit Poplari Ewropew, fejn se jsiru aġġornamenti kontinwi mis-sala tal-laqgħa plenarja.

Fost l-uffiċjali li diġa’ bdew jaslu pajjiżna, hemm Joseph Daul il-President tal-Partit Popolari Ewropew – fejn fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jattendu wkoll l-mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej, fosthom il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, li wkoll huma parti mill-familja tal-Partit Popolari Ewropew, li tiegħu l-Partit Nazzjonalista Malti huwa membru.