Lokali

FILMAT: Joseph Muscat jgħid li ma jafx x’qed jiġri f’Identity Malta

Muscat qal li hu m’għandu għalfejn jieħu ebda passi u tefa’ l-piż fuq l-edituri u l-ġurnalisti ta’ The Malta Independent

Tkompli tikber il-kriżi f’Identity Malta wara li ġie żvelat l-iskandlu tal-karti tal-identita’ – b’numru ta’ persuni jkollhom aktar minn karta tal-identita’ waħda, u li jfisser li jista’ jkollhom aktar minn vot wieħed.

Iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ In-Nazzjon, il-Prim Ministru Muscat qal li m’għandux idea x’qed jiġri f’Identity Malta. U filwaqt li qal li ma jaf b’xejn dwar dan l-iskandlu, iddefenda din il-kriżi. U qal li ma teżisti ebda kriżi.

Il-Ħadd, The Malta Independent żvelat li rapport intern ta’ Identity Malta juri li minn kampjun ta’ 300 persuna, hemm 80 li għandhom aktar minn karta tal-identita’ waħda. Saħansitra hemm ħames persuni li għandhom 5 karti tal-identita’.

Iżda ffaċċjat b’dawn il-fatti, Muscat qal li hu m’għandu għalfejn jieħu ebda passi u tefa’ l-piż fuq l-edituri u l-ġurnalisti ta’ The Malta Independent li kixfu dan l-iskandlu.

Muscat mar oltre minn hekk. U prova jgiddeb ir-rapport tal-gazzetta. Filwaqt li l-gazzetta kienet ċara f’dak li qalet: li kienet qed tikkwota rapport intern li sar minn Identity Malta u li ġie lleakjat minn sorsi f’Identity Malta, Muscat prova jirredikola din l-istorja billi jgħid li l-eżerċizzju sar mill-Independent. Mela l-verita’ hi mod ieħor.

Il-gazzetta The Malta Independent kitbet: “An internal report leaked to this newspaper by sources within Identity Malta..”

It-twaqqif ta’ Identity Malta – li tinsab fi kriżi – kienet waħda mill-ewwel deċizjonijiet li ħa Joseph Muscat wara li laħaq Prim Ministru.