Lokali Qorti

Ħati li tajjar u qatel ċiklist – Sentenza sospiża u multa

Eric Zammit ta’ 30 sena ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin u kien immultat €3,000 wara li nstab ħati li tajjar u qatel ċiklist f’inċident li seħħ għaxar snin ilu fi Triq l-Avjazzjoni fil-Gudja.

Ir-raġel, Fadla-lah Mohammed Ahmed Moh Bahkret mis-Sudan, kiser għonqu u miet mad-daqqa.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, innutat li l-akkużat kien għaddej b’veloċita’ ta’ 68km/s u li l-vittma ma’ użax is-service road riżervata għaċ-ċiklisti. Li jfisser li l-vittma kkontribwiet għall-inċident iżda r-responsabbilta’ ewlenija tibqa’ n-nuqqas ta’ sewaqn bil-galbu min-naħa ta’ Zammit.

“Din il-Qorti hi tal-fehma li l-ħajja umana m’għandhiex u qatt m’għandha tkun meqjusa bħala rħisa. Ma jfissrix pero’ li f’kull każ fejn hemm mewt involontarja, bħala riżultat ta’ inċident tat-traffiku għandu jkun hemm piena ta’ priġunerija, għaliex kull każ huwa differenti,” qal il-Maġistrat Farrugia.

Il-Maġistrat qal li meqjusa iċ-ċirkostanzi kollha, il-Qorti hi tal-fehma li għandha tingħata sentenza ta’ priġunerija iżda s-sentenza għandha tkun sospiża. “Il-Qorti tqis li mhux fl-aħjar interess tal-Ġustizzja li timponi piena karċerja effettiva,” kompla l-Maġistrat Ian Farrugia.

Minbarra s-sentenza sospiża u l-multa, il-Qorti ordnat ukoll is-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal sentejn.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Johann Fenech