Futbol Sport

Il-grawnd il-ġdid ta’ Everton se jintuża għal Logħob tal-Commonwealth

Jekk kemm-il darba l-belt ta’ Liverpool tirbaħ id-dritt li torganizza l-Logħob tal-Commonwealth fl-2022, il-grawnd il-ġdid ta’ Everton se jkun wieħed mill-faċilitajiet sportivi tal-edizzjoni.

Ġimgħa u nofs ilu ħarġet l-aħbar li l-belt ta’ Durban fl-Afrika t’Isfel mhux se tkun qed torganizza l-edizzjoni minħabba li raġunijiet finanzjarji.

F’Settembru tal-2015 Durban kienet ingħażlet biex issir l-ewwel belt Afrikani li tospita dawn il-logħob li jsiru kull erba’ snin imma l-Gvern iddeċieda li jirtira din id-deċiżjoni.

Ġimgħa ilu wkoll Everton għamlu pass kbir fl-għan tagħhom li jibnu stadium wara assiguraw ftehim biex jixtru art f’Liverpool. Filwaqt li għad hemm numru ta’ ostakli fosthom il-permessi u l-flus neċessarji għal proġett li se jiswa madwar €350 miljun, dan hu l-bidu ta’ proċess li hu mistenni jara lil Everton jitilqu minn Goodison Park, grawnd li ilhom jilagħbu fih mill-1892.

Matul l-aħħar snin, Everton fallew fi tliet tentattivi biex isibu sit ġdid għall-istadium li hu tajjeb għal futbol modern. Fl-2000 kienu ħabbru li se jmorru King’s Dock iżda l-proġett wara li ma nstabx investitur. Fl-2009 kienu se jmorru Kirkby bħala parti mill-investiment ta’ Tesco, iżda inkjesta pubblika waqqfet il-pjanijiet.

Is-sena l-oħra, kien hemm lokazzjoni oħra viċin Goodison Park, fejn f’Walton Hall Park kien propost li l-grawnd ikun parti minn żvilupp residenzjali, żvilupp ta’ ħwienet ġodda u d-divertiment. Iżda minħabba problemi ta’ finanzi u sostenibbiltà, il-proġett ma kienx sar.