Lokali

Irriċikla t-tappijiet tal-plastik b’risq l-Istrina

Il-kampanja Irriċikla għall-Istrina. Matul l-2016 inġabru aktar minn 14-il miljun tapp

It-tappijiet tal-plastik tal-prodotti li tuża, jekk tirriċiklhom jistgħu isiru fondi li jmorru għall-Istrina.

Dan hu l-ħsieb tal-inizjattiva Irriċikla għall-Istrina li għal sena oħra reġgħet tnediet mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Matul it-tnedija ġew ippremjati wkoll ir-rebbieħa tal-inizjattiva tas-sena l-oħra.

Is-sena l-oħra inġabru u kienu riċiklati total ta’ kważi 43 tunnellata. Dan ifisser aktar minn 14-il miljun tapp tal-plastik li nġabru minn 144 skola u 52 entita’ oħrabħal kumpaniji , kunsilli lokali, gruppi tal-iscouts eċċ.

Il-ġbir tat-tappijiet tal-plastik tal-fliexken tal-ilma, soft drinks, ta’ kontenituri ta’ deterġenti u tappijiet oħra hu mod faċli kif wieħed jista’ jgħin lill-Istrina. It-tappijiet miġbura jistgħu jitħallew fl-eqreb skola jew fi kwalunkwe stabbiliment fil-lokalita’ li jkollu t-tabella uffiċjali – Nirriċikla għall-Istrina.

Din l-inizjattiva titella’ bil-kollaborazzjoni ta’ GreenPak Malta li matul is-sena ippreżentat is-somma ta’ €20,000 lill-Malta Community Chest Fund.

Minn naħa tagħha l-President ta’ Malta qalet li aktar minn qatt qabel it-tfal u ż-żgħażagħ qed jirrealizzaw li rridu nibżgħu għall-ambjent. Qalet wkoll li t-tfal selfuna l-ambjent biex nibżgħu għalih biex inħalluh jitgawda minn ġenerazzjonijiet futuri.