Lokali Qorti

Jammettu attentat ta’ serqa minn residenza f’Santa Venera

Żewġt irġiel ammettew li s-Sibt li għadda ppruvaw jiżgassaw bieb ta’ dar f’Santa Venera bil-għan li jidħlu jisrqu.

Raymond Spiteri ta’ 57 sena mill-Marsa u Constantino Gouder ta’ 36 sena mill-Belt Valletta kienu akkużati mill-Ispettur Saviour Baldacchino b’attentat ta’ serq u bi ħsarat fuq il-bieb ta’ barra tad-dar. Gouder waħdu kienu akkużat li kellu għodda biex jiżgassa u li wettaq reat ieħor waqt iż-żmien operattiv ta’ sentenza sospiża.

Fil-każ ta’ Spiteri, il-Qorti ippreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, wara li nnutat l-ammissjoni fi stadju bikri u l-kondotta nadifa tiegħu, ikkundannatu għal sena ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Min-naħa l-oħra, Constantino Gouder kien ikkundannat sentejn u nofs priġunerija fid-dawl tal-fedina penali tiegħu u s-sentenza sospiża fuq każ ieħor li issa saret effettiva. Il-Qorti ħeġġet ukoll lill-awtoritajiet tal-ħabs biex jassistuh jegħleb il-vizzju tad-droga.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Saviour Baldacchino. L-Avukat Josette Sultana assistiet lil Constantino Gouder filwaqt li l-Avukat Gianluca Cappitta deher għal Raymond Spiteri.