Tliet irġiel Somali inżammew arrestati wara li dalgħodu tressqu akkużati b’reati marbutin mad-droga kannabis.
Kheyre Heybe Mohamed, Sakariye Abdirahman Hassan u Abdilrahman Aden Mohamud tressqu separatament quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale mill-Ispettur Frank Anthony Tabone.
Mohamed wieġeb ħati li kien fil-pussess ta’ 3.8g ta’ droga kannabis u li kien reċidiv. Is-sentenza fil-konfront tiegħu mistennija għall-Erbgħa.
Hassan, ta’ 22 sena u li jaħdem fil-ġbir tal-iskart, wieġeb hux ħati ta’ traffikar u pussess aggravat f’inqas minn 100 metru minn skola jew post ieħor iffrekwentat minn żagħżagħ. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Mohamud, ukoll ta’ 22 sena qal li hu ma kienx impjegat u m’għandux indirizz fiss “għax Malta ċaħditni.”
“Mela ħa tagħtik indirizz fiss il-Qorti għalissa,” tenna l-Maġistrat Depasquale hekk kif il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frank Anthony Tabone filwaqt li t-tliet akkużati kienu assistiti mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana.
//= $special ?>