Lokali Parlament

Kellhom isiru prijoritajiet urġenti flok nefqa ta’ €400,000 fuq pittura mill-Ministeru għal Għawdex

(Arkivji)

– Chris Said, PN

Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said sostna li l-Ministeru għal Għawdex għandu jkollu prijoritajiet iktar urġenti milli jonfoq €400,000 fuq pittura.

F’diskors fl-Aġġornament ta’ nhar it-Tnejn Chris Said qal li l-Maltatoday ippubblikat storja konfermata mill-Ministeru stess li l-Ministeru għal Għawdex xtara pittura minn irkant fl-Ingilterra li swiet aktar minn €400,000. Dan minkejja pariri fil-kontra minn Heritage Malta

Chris Said staqsa jekk dan hux xogħol Heritage Malta u allura kif nxtrat mill-Ministeru għal Għawdex. Hu staqsa wkoll mill-liema vot inxtrat il-pittura.

Il-Ministeru għal Għawdex kellu vot ta’ €50,000 iżda fuq pittura waħda biss intefqu izjed minn tmien darbiet iżjed. Min awtorizza din in-nefqa, il-Ministru għall-Finanzi? Mill-liema vot ieħor ittieħdu l-flus? staqsa Chris Said.

Dwar din in-nefqa ta’ €400,000 fuq pittura, Chris Said qal li bla dubju li hemm prijoritajiet oħra fosthom toroq fi stat ħażin ħafna, li hi problema kbira għal Għawdxin

It-toroq rurali huma fi stat żdingat u l-pajjiż jirreklamaw lil Għawdex għal turiżmu rurali u mixjiet; hemm bini storiku nieżel fosthom il-Fanal tal-Ġordan u Torri tal-Qbajjar; it-tieqa tad-Dwejra b’ rapport li kien għand il-Ministru fl-2015 u ma sar xejn fuqu u l-moll ta’ Marsalforn.

Hu semma l-nvestiment biex jinħoloq xogħol ġdid f’Għawdex fejn ma sar xejn u l-Għawdxin jibqgħu jaħdmu Malta jew Għawdex bil-prekarjat fl-iskemi tal-Ministru. Din mhux l-ewwel deċiżjoni zbaljata; tarag li se jiswa €3 miljuni fir-Rabat u espropjazzjoni ta’ post għal kważi €500,000 li ma kienx hemm bżonnu.

Chris Said tkellem dwar il-fast ferry service u qal li din kienet wegħda ewlenija tal-Gvern għal Għawdex fil-programm elettorali iżda issa għaddew aktar minn erba’ snin u ftit xhur ohra l-elezzjoni u ma saritx.

Il-Ministru Refalo ilu erba’ snin jitkellem dwarha iżda issa sar magħruf li ma għadhiex f’idejh u għaddiet f’idejn il-Ministru Joe Mizzi. Jidher li l-fast ferry service se jkollha l-istess destin tal-mina u s-sejbien taż-żejt. Waqt meeting fil-Pjazza tax-Xewkija ġimgħa ilu l-Ministru Refalo qal li se tibda fis-sena 2018, wara l-elezzjoni ġenerali.

Hu staqsa jekk il-prezz għall-Għawdxin se jkun €4 euros kull vjaġġ, jekk din hux se tkun tesa’ 80 passiggier, jekk hux se tkun bla karozzi, jekk hux se torbot f’Ta’ Lisse il-Belt u kif l-istudenti u dawk li jaħdmu l-isptar se jmorru għax-xogħol minn hemm.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa wkoll x’jigri għal dawk il-ħaddiem li jinżlu u ma jsibux post fuqha, biex se jmorru għax-xogħol u jekk hux se jkollhom il-mini buses mikrija. Dan hu ippjanar nieqes mill-ħsieb.

Dwar it-toroq f’Għawdex, Chirs Said qal li s-sitwazzjoni hi ħażina ħafna; waħda mill-akbar problemi li jidentifikaw l-Għawdxin. Il-ftit li qed isir qed isir b’mod dilettantesk. Hu staqsa min kien il-perit u fejn saru t-testijiet fuq it-toroq u nsista biex jitpoġġew kopja taċ-ċertifikat tal-perit u tat-testijiet tal-laboratorju. Ma ngħatat l-ebda risposta dwar dan. Issa hemm paniku u t-toroq li saru sentejn u tlett snin ilu qed isiru testijiet fuqhom issa biex taparsi saru.

Toroq li saru ftit xhur ilu biss nqasmu kollha u nizlu; m’hemm l-ebda serjeta’ anke f’xi ħaġa daqshekk bażika bħat-toroq. Xi ħadd se jkollu jwieġeb u min qed jiċċertifika illum biex taparsi iċċertifika qed iġorr responsabilità kbira. Sadanittant fl-aħħar tlett snin u nofs ma saret l-ebda triq f’Għawdex b’ fondi tal-Unjoni Ewropeja u ma hemm l-ebda triq ippjanata sal-2020.

Dwar id-distallatur f’Ta’ Ħondoq, Chris Said qal li jirriżulta li l-Gvern permezz tal-WSC se jerġa’ jħaddem l-impjant tad-distillatur f’Ta’ Ħondoq ir-Rummien li ilu wieqaf 30 sena. Ma saret l-ebda konsultazzjoni u sirna nafu b’ kumbinazzjoni li hemm applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar

Fi Frar 2012 Joseph Muscat Kap tal-Oppożizzjoni għamel konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post u qal li se jsir indoor pool complex fil-post; saħansitra wera pjanti sbieħ tal-proġett. Ħames snin wara mhux talli ma sar xejn talli issa jidher li din kienet gimmick mill-bidu sal-aħħar biex jieħu l-voti u jirbaħ il-Kunsill Lokali tal-Qala

Il-Gvern issa qed jigi jaqa’ u jqum minn nies tal-Qala li tant għandhom għal qalbhom Ħondoq ir-Rummien u se jerġa’ jħaddem l-impjant bi storbju kontinwu, f’sit li illum hu Natura 2000 u b’ effett tal-ilma li jiġi mormi fil-baħar fuq l-kwalità tal-ilma baħar tal-inħawi. L-ebda impjant minn dawk li saru fl-aħħar 25 sena ma sar f’bajja popolari.

Dwar id-demmiela, Chris Said qal li r-residenti tal-Munxar huma preokkupati ħafna, m’hemm l-ebda informazzjoni lanqas il-Kunsill Lokali u sallum residenti jafu biss li hemm min qed jagħmel kuntratti mar-raħħala kollha Għawdxin biex jiġbor id-demel kollu tagħhom u jieħdu l-Munxar biex jigi proċessat fi Triq Zghawri. Dan ftit metri biss mir-residenti u hemm bżonn li l-awtoritajiet konċernati jaraw xinhu jiġri u jieħdu l-passi.

Chris Said tkellem dwar ‘Gvern li Jisma’ u qal li l-Ministru Refalo rema’ tinda b’ħafna aċċessorji fil-Pjazza tax-Xewkija u sostna li nies kollha tal-iskemi li qed jitħaddmu bil-prekarjat ċemplulhom biex imorru. Lil dawn tawhom x’ jifmhu li jekk ma jmorrux ma hemmx ċans li jigu tal-fiss mal-Gvern. Dawn il-ħaddiema hekk kellhom jagħmlu u quddiemu l-Ministru Refalo kellu dawk li qed iħaddem bil-prekarjat.

Persuna Laburista li tħaddem business privat ma stħat xejn li tgħid lill-Ministru quddiem kulħadd li qed jigdeb u li ‘konna naħdmu ħafna aħjar taht Gvern tal-PN’.

Ftit jiem wara l-Prim Ministru mar Għawdex taħt tinda trasparenti għall-aħħar fiċ-Cittadella; trasparenti biex forsi juri kemm hu trasparenti dan il-Gvern. Din id-darba l-Ministri kollha bin-nies tagħhom u coaches ta’ nies minn Malta fejn il-Prim Ministru tkellem fuq numru ta’ proġett futuri.

L-Għawdxin stennewh jitkellem fuq dak li wiegħed ħames snin ilu u li sallum għadu fl-ajru fosthm casino, yacht marina, cruise liner terminal, il-baga fix-Xlendi, il-fast ferry service, is-servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex u ajruporti fil-Meditterran, l-indoor pool, il-breakwater f’Marsalfron, il-pont imwiegħed erba’ snin ilu, l-iskola primarja ġdida fir-Rabat, it-tieni fibre optic cable, il-Mużew ta’ Għawdex, il-qorti gdid, il-Creative Hub fix-Xewkija u l-modernizzar ta’ Marsalforn u Xlendi.

Dan flimkien mat-toroq fi stat diżastruż, kif żdiedu flok naqsu l-ħaddiema Għawdxin jaħdmu Malta u kif taret mar-riħ il-wegħda ta’ xogħol għall- Għawdxin f’Għawdex stess, kif twaqqfu l-vjaġġi tal-merkanzija lejn u minn Sa Maison, kif ipprivatizza l-uniku sptar pubbliku f’Għawdex, kellha issir estensjoni tal-Università f’Għawdex iżda minflok naqsu l-korsijiet, kellu jsir park għall-familja fix-Xagħra u minflok l-art ingħatat lil kumpanija Ċiniża u fuq l-ebda progett ta’ djar f’ Ghawdex f’ erba’ snin. Minn dan kollu l-Prim Ministru ma qal xejn, sostna Chris Said.

Ikkummenta