Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ attentat ta’ stupru – 18-il xahar ħabs għal attakk fuq il-pudur ta’ tfajla barranija

“Din il-Qorti m’għandhiex dubju dwar l-intenzjoni tal-imputat. Huwa ried li jkollu x’jaqsam ma’ Timea Toth. Iżda l-element intenzjonali waħdu mhux biżżejjed”

Jurgen Zahra ta’ 26 sena residenti fiż-Żejtun kien ikkundannat għal 18-il xahar ħabs u mmultat €1,150 wara li nstab ħati li wettaq attakk vjolenti fuq Timea Toth, tfajla Ungeriża ta’ 24 sena, li żammha kontra r-rieda tagħha u li kkaġunalha feriti ħfief.

Madanakollu, hu ma nstabx ħati tal-akkuża ewlenija ta’ attentat ta’ stupru. Il-każ imur lura għal-Ġunju tal-2011 f’San Ġiljan meta għall-ħabta tal-4a.m. waqt li kien qed isuq fi triqtu lura d-dar, Zahra lemaħ lil Toth. Hu beda jsuq maġenbha u jipprova jkellimha iżda hi ma tatux wiċċ. F’ħin minnhom hu ħareġ mill-vettura, avviċina t-tfajla u qabdilha idejha iżda hi nħallet u ħarbet tiġri. Meta waslet fejn il-bandli qrib l-uffiċini tal-ġurnal The Malta Independent, l-akkużat laħaqha u meta Toth mill-ġdid ippruvat taħrab Zahra beda jsawwatha u jrnexxielha jmiddha mal-art.

Hu kien rnexxielu jqatta’ il-ħwejjeġ ta’ fuqha u kien qed jipprova jneħħilha l-qalziet ta’ taħt meta kienu għaddejjin erba’ persuni li semgħu l-għajjat u t-twerżieq u intervjenew, bl-akkużat jaħrab minn fuq il-post.

Il-Qorti qalet li filwaqt li tista’ tinstema’ xokkanti, l-akkuża ta’ stupru vjolenti ma tirriżultax. “Din il-Qorti m’għandhiex dubju dwar l-intenzjoni tal-imputat. Huwa ried li jkollu x’jaqsam ma’ Timea Toth. Iżda l-element intenzjonali waħdu mhux biżżejjed”, qal il-Maġistrat Ian Farrugia, fejn filwaqt li “għamel numru ta’ atti preparatorji… l-imputat kien għadu m’għamel ebda att, imqar wieħed, li bih ta bidu għad-delitt.” Dan minħabba li Zahra kien għadu liebes u ma kienx laħaq neħħa l-qalziet ta’ taħt tal-vittma meta ħarab minn fuq il-post hekk kif waslet l-għajnuna.

Il-Qorti kompliet li ftit hemm dubju dwar l-akkużi l-oħra fejn l-aġir tal-imputat kien wieħed kundannabbli li ħalla tfajla tramwatizzata u li m’għandux ikun tollerat f’soċjeta’ ċivili.

“Ftit li xejn jiswa’ għall-imputat il-fatt li kellu kondotta nadifa u ftit li xejn jiswa’ li l-imputat kien taħt l-influwenza tal-alkoħol meta għamel din il-ġennata,” tenna l-Maġistrat Farrugia.

Konsegwentement, Jurgen Zahra kien ikkundannat għal 18-il xahar ħabs u mmultat €1,150.

L-Ispetturi Malcolm Bondin u Graziella Muscat mexxew il-Prosekuzzjoni.