Lokali

Muscat juża lill-Ministri tiegħu ta’ kuljum biex jiprova jattakka lill-Oppożizzjoni

Fi stqarrija bi tweġiba għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista l-Partit Nazzjonalista qal li hu skandaluż kif biex jiprova jattakka lill-Oppożizzjoni, Muscat lest jaħli l-ħin, l-enerġija u l-ħin kollu li hemm bżonn. Mhux ta’ b’xejn li n-nies għajjew minn dan il-Gvern aggressiv u bla skrupli.

Imma l-Partit Nazzjonalista mhix se jbaxxi rasu għall-aggressività u għall-gideb ta’ Muscat u l-Ministri tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista diġà ta l-ispjega dettaljata tiegħu dwar l-istorja – issa riċiklata – tad-donazzjonijiet, u l-evidenza turi li l-ebda donazzjoni ma għalqet ħalq il-Partit Nazzjonalista. Anzi, bil-maqlub.

Mhux l-istess jista’ jingħad dwar Muscat. Biex Muscat jippontifika dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, għandu l-ewwel jobdiha hu stess. Mhux talli m’għamilx hekk, talli sa llum, qed jikser il-liġi fuq ħafna livelli:

  • ma rreġistrax bħala partit,
  • ma preżentax lista ta’ donazzjonijiet;
  • jimpjega uffiċjali tal-partit u tas-Super One mal-Gvern;

U l-akbar mistoqsija tibqa’: x’donazzjonijiet ħa Muscat u l-partit tiegħu biex jagħti artijiet bħall-ITS u ż-Żonqor?