Lokali Qorti

Sena ħabs wara li nstab ħati li ta daqqiet b’sikkina

Anzjan ta’ 70 sena kien ikkundannat għal sena ħabs wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi b’daqqiet ta’ sikkina waqt ġlieda.

Il-ġlieda kienet seħħet f’Paceville fi Frar tal-2006 meta l-akkużat Grezzju Gauci kellu 59 sena.

Oriġinarjament, Gauci kien akkużat ukoll b’attentat ta’ qtil iżda min-natura tal-ġrieħi li sofriet il-vittma Gilbert Spiteri, l-akkuża prinċipali fil-konfront ta’ Gauci kienet ta’ ferita gravi bi strument jaqta’ u bil-ponta kienet irtirata.

Il-vittma kien mas-sieħba tiegħu u xi ħbieb f’Paceville, fosthom ċertu Edmond Zerafa li telaq mill-grupp kmieni biex imur lura d-dar minħabba li kien xurban. Hu u sejjer lejn iz-zona fejn kienet ipparkjata l-vettura tiegħu Zerafa kien involut f’argument ma’ numru ta’ persuni fosthom xufiera tal-karozzi.

Ftit wara wasal Gilbert Spiteri li malli ra lil sieħbu qed jiġi aggredit, għajjat biex dawn jieqfu. Kien hawnhekk li l-akkużat Grezzju Gauci qallu biex ma jindaħalx u t-tnejn ġew fl-idejn. F’ħin minnhom Spiteri imbotta lil Gauci b’dan tal-aħħar jispiċċa fl-art. Kien propju meta Spiteri mar għal Edmond Zerafa biex iqajjmu mill-art li l-akkużat tah daqqiet bis-sikkina.

Malli ġara hekk, kemm Gauci, kif ukoll il-persuni l-oħra involuti fil-ġlieda oriġinali ħarbu minn fuq il-post.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, irrimarkat li meta seħħ l-inċident, l-imputat kellu 59 sena u messu jkun jaf aħjar, mhux biss li għandu joqgħod ‘il bogħod mill-vjolenza iżda li ma jużax armi bil-ponta fuq vittma li dak iż-żmien kien għad kellu 22 sena.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Chris Pullicino

Tags