Lokali Qorti

Sentenza sospiża u ordni biex ma jrabbi ebda klieb

"Ir-residenti tal-Gżira jinsabu mwerwrin minn dawn l-attakki," il-Prosekuzzjoni

David Farrugia ta’ 54 sena, residenti l-Gżira kien ikkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih b’rabta ma’ inċident ilbieraħ waranofsinhar fejn mara sfat attakkata minn kelb qrib Manoel Island. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, ordnat ukoll li l-klieb kollha fil-pussess tiegħu jiġu konfiskati mid-Dipartiment tal-Animal Welfare u jinstabilhom dar ġdida. Barraminhekk, il-Qorti ordnat ukoll li Farrugia ma jitħalliex iżomm ebda tip ta’ kelb fid-dar tiegħu.

Farrugia kien mixli mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca li kkaġuna ġrieħi gravi fuq mara, li nsulenta lilha u lis-sieħeb tagħha, li naqas milli jikkontrolla l-kelb tiegħu li wassal għal sitwazzjoni ta’ periklu.

Hu kien akkużat ukoll li kien qed iżomm klieb tar-razza Dogo Argentino li huma meqjusa minn bħala razza perikoluża u li naqas milli jlibbishom sarima u li jżommhom marbutin b’ċinga.

Il-Qorti, semgħet mill-prosekuzzjoni kif ir-residenti tal-Gżira huma mwerwrin minn dawn il-klieb wara l-attakk tal-bieraħ. Jirriżulta li iben l-akkużat sab postijiet alternattivi għall-dawn il-klieb.

L-Ispettur Mercieca sostna li l-kelb tar-razza Dogo Argentino kien allegatament involut f’iktar attakki fuq persuni fil-Gżira.

Wara li kien identifikat minn xi persuni li raw l-attakk qrib Manoel Island, il-Pulizija flimkien ma’ uffiċjali tad-Dipartiment tal-Animal Welfare marru fid-dar tal-akkużat, li min-naħa tiegħu irreżista l-arrest u allegatament heddidhom li jkeskes il-klieb għalihom. Rapporti fuq il-mezzi tax-xandir jgħidu li l-klieb kienu mħarrġa biex jattakkaw u li l-kelb involut fl-inċident tal-bieraħ f’Manoel Island hu l-wild ta’ kelb ieħor li attakka anzjana ta’ 70 sena fi Triq Cameron fil-Gżira f’Awwissu li għadda. Dak il-kelb kien traqqad u Farrugia qed jidher f’każ ieħor quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

B’kollox, Farrugia qed jidher f’ħames kawżi marbutin ma’ attakki mwettqa mill-klieb tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca filwaqt li l-Avukati Giannella De Marco u Gianluca Caruana Curran dehru għal Farrugia