Futbol Sport

Tazza tad-Dinja 2018: Gowls f’mumenti importanti jikkastigaw lil Malta

(Ritratt- Martin Agius)

Gowls kmieni fil-partita, qabel tmiem l-ewwel taqsima u lejn it-tmiem taw rebħa lis-Slovakkja ta’ 3-1 fuq it-tim nazzjonali Malti, li biha telgħu fit-tieni post ta’ Grupp F b’disa’ punti, punt fuq is-Slovenja u tnejn fuq l-Iskozja, bit-tim Malti jibqa’ ankrat f’qiegħ il-klassifika, b’ħames telfiet minn ħames logħbiet.

Wieħed jista’ jsejjaħ il-wirja tat-tim nazzjonali Malti bħala pożittiva hekk kif għal ħafna ħinijiet mill-partita, it-tim ta’ Ghedin ikkontrolla l-logħba mingħajr ebda diffikultà partikolari. Iżda minn naħa l-oħra, fl-azzjonijiet li s-Slovakkja kienu perikolużi, skorjaw il-gowls li ddeċidew il-konfront.

Il-kowċ nazzjonali Pietro Ghedin kellu jgħaddi mingħajr is-sospiżi Jonathan Caruana u Andrei Agius fid-difiża, u l-imweġġa’ Rowen Muscat, bi plejers oħra ma jkunux inklużi fl-iskwadra tal-kowċ Taljan għal raġunijiet differenti.

Partita tajba għal diversi plejers Maltin fejn fosthom spikkaw Cain Attard fuq in-naħa leminija fejn kien propożittiv fil-logħob tiegħu, filwaqt li Jean Paul Farrugia kellu logħba tajba hekk kif dejjaq lid-difensuri avversarji.

Luke Gambin ħadem ħafna f’nofs il-grawnd, filwaqt li Sciberras u Fenech għalqu diversi spazji f’nofs il-grawnd. Fid-difiża, it-trio Muscat, Magri, Camilleri kollox ma’ kollox kellhom wirja qalbiena, b’Andre Schembri jimla l-ispazji tajjeb bejn nofs il-grawnd u l-attakk.

Il-partita tal-bieraħ kienet it-52 u l-aħħar waħda għal Gareth Sciberras li s-Sibt fil-konferenza stampa ħabbar li se jkun qed jirtira fi tmiem l-istaġun. Fuq in-naħa l-oħra, Luke Montebello għamel id-debutt wara li daħal fl-aħħar minuti tal-logħba.

Kienu għoddhom għaddew minuta u nofs meta s-Slovakkja fetħu l-iskor. Kien Adam Nemec li għadda lejn Vladimir WEISS li kkontrolla u minn pożizzjoni ċentrali spara fir-rokna tax-xibka, b’Andrew Hogg megħlub.
It-tim Malti beda jsib saqajh, beda jaqsam il-logħob mal-avversarji, u saħansitra fl-14-il minuta ġab id-draw.

Andrè Schembri beda l-pressjoni tiegħu fuq Milan Skriniar li lagħab il-ballun qasir minn mal-art, b’Jean Paul FARRUGIA jkun pront japprofitta, u jixħet wara Kozacik b’xutt fil-baxx. Il-logħba żvolġiet f’nofs il-grawnd bit-tim Malti jikkontrolla tajjeb il-logħba u fis-36 minuta, Gambin krossja mil-lemin lejn Farrugia, iżda Skrtel kien pront u tefa’ l-ballun f’korner.

Meta l-logħba dehret li setgħet tkun kontrollata mit-tim Malti, fil-41 minuta wasal il-gowl tas-Slovakki. Kien Jan GREGUS li mingħajr ma kien issikkat, ixxutja xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li għadda minn taħt idejn Andrew Hogg. It-tim Malti seta’ għalaq it-taqsima b’gowl meta Andrè Schembri kellu ċ-ċans li jipprova minn pożizzjoni aktar ċentrali, iżda għażel li jipprova jgħaddi, bil-konklużjoni finali tiegħu fil-baxx, tkun salvata minn Kozacik.

It-tieni taqsima żammet l-istess ritmu, bis-Slovakki ftit ikunu perikolużi lejn il-lasta ta’ Hogg, filwaqt li t-tim Malti f’xi drabi beda jersaq ftit lejn il-lasta avversarja. Fis-57 minuta, is-Slovakkja laqtu l-lasta meta minn free-kick ta’ Hamsik, Nemec għola tajjeb, iżda d-daqqa ta’ ras ħabtet mal-mimduda.

It-tim Malti kellu jkompli l-aħħar 12-il minuta b’għaxar plejers. Kien passaġġ tas-sostitut Bjorn Kristensen lejn Jean Paul Farrugia li ma kkontrollax sew il-ballun, u fit-tentattiv li jieħu l-ballun mess il-ballun b’idu, bil-plejer Malti jiskorja, iżda r-referee Tork wera t-tieni karta safra.

L-affarijiet komplew ġejjin ħżiena għat-tim Malti hekk kif is-Slovakkja għalqu l-logħba fl-84 minuta. Kien kontrattakk veloċi tas-Slovakkja, bis-sostitut Marek Hamsik jagħti passaġġ fil-baxx fl-ispazju, lejn Adam NEMEC li mill-ewwel antiċipa l-ħarġa ta’ Hogg u skorja b’xutt fil-baxx.

Din kienet l-aħħar azzjoni ta’ Nemec fil-logħba hekk kif fid-90 minuta ntwera t-tieni karta safra wara li mbotta lil Zach Muscat. Is-Slovakki pruvaw ifittxu r-raba’ gowl lejn it-tmiem b’xutt mill-ewwel ta’ Marek Hamsik, iżda Hogg għalaq l-angolu u dawwar f’korner.