F’waħda minn diversi partiti mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018, l-Ingilterra baqgħet fl-ewwel post fil-grupp tagħha (l-istess grupp li fih hemm Malta) wara li kisbet rebħa ta’ 2-0 f’Wembley kontra l-Litwanja. Il-logħba kienet waħda nieqsa mill-emozzjonijiet imma t-tim ta’ Southgate għamel dak li kien biżżejjed biex jieħu t-tliet punti.
Kien fil-21 minuta meta l-Ingliżi fetħu l-iskor. Dan meta Sterling għadda minn mal-ġenb u għadda ballun lejn DEFOE li skurja mill-viċin. Għal Defoe, li kien qed jirritorna fit-tim wara nuqqas ta’ tliet snin, dan kien l-ewwel gowl tiegħu f’dawn l-aħħar erba’ snin mat-tim nazzjonali.
Il-Litwanja ftit ippruvaw iwettqu reazzjoni u fis-66 minuta kien is-sositut Jamie VARDY li skurja t-tieni gowl tal-Ingliżi meta għeleb lill-gowlkiper avversarju wara li rċieva mingħand Lallana.
Ta’ min jinnota li qabel il-partita iż-żewġ timijiet osservaw minuta silenzju b’rispett tal-vittmi tal-attakki li seħħew dan l-aħħar f’Londra u anke għall-eksmanager tal-Ingliżi Graham Taylor li miet f’Jannar li għadda.
Konfront interessanti li jmisshom l-Ingilterra minn dan ir-rawnd hu dak tal-10 ta’ Ġunju meta dawn jilagħbu kontra r-rivali Skoċċiżi.
L-Iskozja, li wkoll tinsab fil-grupp ta’ Malta rebħet 1-0 kontra l-Islovenja. Wieħed irid jgħid li l-Iskoċċiżi kienu ferm sfortunati hekk kif kellhom gowl imħassar u laqtu darbtejn il-lasta imma żewġ minuti mit-tmiem kien Chris MARTIN li sab ix-xibka biex ta tliet punti prezzjużi lit-tim ta’ Strachan.
F’partita minn Grupp Ċ, il-Ġermanja, champions tad-dinja kisbu rebħa faċli ta’ 4-1 barra minn darhom kontra l-Ażerbajġan.
Kien SCHURRLE li fetaħ l-iskor fl-20 minuta b’gowl li kien it-tmiem ta’ azzjoni mill-isbaħ bejn Draxler u Hector.
L-uniku reazzjoni tal-avversarji tal-Ġermanja waslet man-nofs siegħa logħob meta kien NAZAROV li ġab id-draw wara li rċieva cross mingħand Ismayilov. Ta min jinnota li Nazarov għeleb lill-gowlkiper Leno li kien qed jilgħab minflok Manuel Neuer li kien imweġġa’.
Minn hawn ‘il quddiem il-Ġermanja ddominaw u ħames minuti biss wara reġgħu marru fil-vantaġġ. Kien MULLER li skurja hekk kif dar mal-gowlkiper Agayev u poġġa l-ballun f’xibka vojta wara li kien rċieva mingħand Schurrle.
Hekk kif kienet se tintemm l-ewwel taqsima Mario GOMEZ għamilhom tlieta favur it-tim ta’ Joachim Loew b’daqqa ta’ ras wara cross perfett ta’ Kimmich.
Ir-ritmu fit-tieni taqsima naqqas ferm u disa’ minuti mit-tmiem SCHURRLE skurja ieħor biex issiġilla l-konfront.
Il-playmaker ta’ Man Utd Henrik MKHITARYAN spikka mal-Armenja hekk kif għenhom jirbħu 2-0 kontra l-Kazakhstan b’gowl kwarta mit-tmiem. L-Armeni approfittaw mill-vantaġġ numeriku u skurjaw ieħor lejn it-tmiem permezz ta’ OEZBILIZ.
Antonin BARAK spikka mar-Repubblika Ċeka hekk if skurja dopjetta fir-rebħa kbira ta’ 6-0 kontra San Marino.
F’logħba valida minn Grupp E l-Montenegro tilfu 2-1 kontra l-Polonja. Kienu l-Pollakki li marru fil-vantaġġ grazzi għal gowl tas-solitu LEWANDOWSKI li sab ix-xibka ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima imma MUGOSA skurja fit-63 minuta biex ġab id-draw.
Hekk kif kollox deher li l-logħba kienet se tintemm fi draw l-Polonja skurjaw il-gowl deċiżiv permezz ta’ PISZCZEK.
Grupp Ċ
Ażerbajġan v Ġermanja 1-4
San Marino v Rep. Ċeka 0-6
Irlanda ta’ Fuq v Norveġja 2-0
Grupp E
Armenja v Kazakhstan 2-0
Montenegro v Polonja 1-2
Rumanija v Danimarka 0-0
Grupp F
Ingilterra v Litwanja 2-0
Malta v Slovakkja 1-3
Skozja v Slovenja 1-0