Internazzjonali

Carlos the Jackal mogħti tielet sentenza ta’ ħabs għal għomru

 

It-terrorista minn Venezuela, imlaqqam ‘Carlos the Jackal’, illum, fi Franza, ingħata sentenza oħra ta’ ħabs għal għomru, meta hu diġà qed jiskonta żewġ sentenzi oħra ta’ priġunerija massima.

‘Carlos’ – li jismu proprju Ilich Ramirez Sanchez, u li fis-snin sebgħin u tmenin kattar reputazzjoni bħala ‘rivoluzzjonarju’ – din id-darba spiċċa kundannat dwar attakk bi grenade li kien seħħ fl-1974 ġo ħanut ta’ Pariġi.

Intant, il-qorti fil-kapitali Franċiża  issa, iddeċidiet li ‘Carlos’ (li llum għandu 67 sena) kien tefa’ il-grenade għal ġo sezzjoni tal-istabbiliment fejn qatel żewġ xerrejja u ħalla madwar 34 feruti. It-terrorista, fl-istess ħin, ċaħad l-akkużi u baqa’ jirreferi għal dan il-proċess tal-qorti bħala wieħed ‘assurd’.

Filwaqt li l-prosekuturi qalu li l-provi kollha f’din l-investigazzjoni kienu qed jippuntaw lejn ‘the Jackal’, hu minnu li  ma nstabu l-ebda traċċi ta’ DNA, inkella xi marki tas-swaba jew materjal ieħor li setgħu jkunu assoċjati mal-attakk bil-grenade fil-ħanut. Dan fost rapporti li ‘Carlos’ jista’ ikun lest biex juża perjodu stabbilit ta’ għaxart ijiem biex jappella mill-verdett tallum.