Sport Sport Ieħor

Ċikliżmu – Suċċess għal Pierre Borg

Għat-tieni sena konsekuttiva, iċ-ċiklist ta’ Mosta Cycling Club Pierre Borg kiseb suċċess fit-tellieqa tal-bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ tal-kategorija Elite. It-tellieqa saret fuq distanza ta’ 99km u kienet organizzata mill-Mosta AF Sign Studio Cycling Club taħt l-awspiċi tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.
B’kollox kien hemm tmien kategoriji u n-numru ta’ parteċipanti kien wieħed kbir.

Għal Mosta Cycling Club spikkaw diversi ċiklisti li rebħu fil-kategoriji rispettivi tagħhom.

Fil-kategorija Elite, it-taqtigħa kienet waħda missielta, speċjalment lejn it-tmiem. Grazzi anke għall-għajnuna ta’ sħabu, Pierre Borg seta’ jikseb dan is-suċċess.

Lejn it-tmiem Borg sab il-ħin opportun biex jattakka lill-avversarji u qabeż lil Chris Formosa ta’ The Cyclist li temm fit-tieni post u lil Steve Sciberras ta’ Birkirkara St Joseph li daħal it-tielet.