Il-każ tal-qattusa Elsa, tar-razza persian li nstabet marbuta ma’ mejda biex twelled kemm tiflaħ ħalli sidha jkun jista’ jbiegħhom bi qligħ, fl-aħħar sabet dar ġdida u mara b’qalb tajba li għażlet li ttiha l-imħabba li għandha bżonn.
Kien Mikel St. John, minn Animal Protectors Malta, li salva lil din il-qattusa u wara ġimgħat ta’ kura u mħabba sabilha dar ġdida lesta biex tilqahha. Spjega li l-qattusa tant kienet maħqura li saħansitra anke waqt li rieqda f’xi mumenti kienet instema’ tibki.
“Għal tliet snin sħaħ, din il-qattusa ta’ erba’ snin kienet marbuta ma’ mejda biex twelled kemm tiflaħ u l-kittens tagħha jinbiegħu. Is-suf tagħha tant kien magħqud li nqala’ kollu kemm hu f’daqqa meta kienet qed titqaxxar. Sibniha beżgħana u bi dwejjaq kbar f’għajnejha,” spjega St. John.
Kompla li minkejja li hi truxa u tibża’ minn annimali oħra, wara xi ġimgħat tistaħba frott il-biża’ bdiet tmur lejh minn jeddha.
//= $special ?>