Lokali

Evarist Bartolo jonqos milli jiddikjara jekk għadx għandu fiduċja fis-Segretarju Permanenti

Il-gazzetta Sunday Times of Malta, żvelat li Joseph Caruana kien qed jinforma lil ħuħ Edward Caruana b’informazzjoni kunfidenzjali dwar il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada

Il-Ministru Evarist Bartolo qed jonqos milli jiddikjara jekk għadx għandu fiduċja fis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tiegħu Joseph Caruana.

Il-gazzetta Sunday Times of Malta, żvelat li Joseph Caruana kien qed jinforma lil ħuħ Edward Caruana b’informazzjoni kunfidenzjali dwar il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Imma meta kien mitlub jagħti l-kummenti tiegħu dwar dan, il-Ministru Evarist Bartolo ma riedx jikkummenta dwar dan. Meta kien mistoqsi dwar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li kien qed jagħti, l-Ministru Evarist Bartolo qal li ma kienx se jwieġeb mistoqsijiet li m’humiex marbutin mas-suġġett tal-konferenza tal-aħbarijiet.

L-aħwa Caruana: Joseph (xellug) Edward (lemin)

Jirriżulta li emails indirizzati għas-Segretarju Permanenti Joseph Caruana kienu ikkupjati lil ħuħ Edward Caruana. Meta kien ippressat mill-ġurnalisti biex jiddikjara jekk għandux fiduċja fis-Segretarju Permanenti tiegħu, il-Ministru Bartolo deher skomdu, għalaq il-konferenza tal-aħbarijiet li kien qed jagħmel u ħareġ mill-kamra.

The Sunday Times irrappurtat li f’Novembru 2015 is-Segretarju Permanenti Joseph Caruana bagħat email lil dak li kien chairman tal-FTS, Samuel Formosa u ordnalu jħallas €400,000 extra lill-kumpanija tal-madum li kienet qed taħdem fuq proġett ta’ skola minkejja li l-bord tal-FTS ma kienx jaqbel li jsir dan il-ħlas.

Fil-bdil tal-emails li kienu ikkupjati lill-Ministru Bartolo nnifsu, Joseph Caruana kiteb li r-reżistenza tal-FTS għad-deċiżjoni tal-Ministru ma kinitx aċċettabbli aktar u insista mal-bord li jħallas il-pagament kif ta’ struzzjonijiet fl-email tiegħu.

Minkejja n-natura kunfidenzjali tal-korrispondenza, Joseph Caruana bagħat kopja lil ħuħ Edward minuta wara u din id-darba ma ikkupjax lill-Ministru Bartolo. Fl-email hu qal lil ħuħ li din hi kunfidenzjali. Meta kien mitlub mill-gazzetta jispjega għaliex ħadd il-bżonn li jinforma lil ħuħ lim kien impjegat tal-FTS imma mhux lil xi membru tal-bord dwar deċiżjonijiet tal-Ministru dwar pagamenti li jridu jsir lill-kuntratturi, is-Segretarju Permanenti Joseph Caruana ma weġibx.

Edward Caruana, ħu s-Segretarju Permanenti fil-Ministru tal-Edukazzjoni bħalissa jinsab taħt investigazzjoni mill-Pulizija dwar allegazzjonijiet ta’ frodi u korruzzjoni dwar ħlasijiet li ingħata mill-kuntratturi tal-FTS u dwar direct orders.