Lokali

FILMAT: “Ġejna hawn biex nappoġġjaw lill-ħabib tagħna Simon Busuttil” – Is-Segretarju Ġenerali tal-PPE

“Ġejna hawn biex nappoġġjaw lill-ħabib tagħna Simon Busuttil”. Kliem is-Segretarju Ġenerali Antonio López-Istúriz f’kummenti ma’ NET News dwar il-Kungress tal-PPE li bejn l-Erbgħa u l-Ħamis isir f’Malta. Ma’ NET News, López-Istúriz qal li d-delegazzjonijiet kollha riedu li jiltaqgħu f’Malta biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Partit Nazzjonalista.

“Kollha riedu jiġu hawn biex jagħtu l-appoġġ lill-ħbieb tagħna fil-Partit Nazzjonalista” qal López-Istúriz. “Simon Busuttil huwa figura magħrufa sew fl-Ewropa, anke peress li kien kollega ta’ ħafna minnha fil-Parlament Ewropew u fil-Partit Popolari Ewropew”.

“Il-mexxejja tal-Gvernijiet membri fil-Partit Popolari Ewropew u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea riedu jiġu hawn biex jesprimu solidarjetà u appoġġ għall-ħbieb tagħna tal-Partit Nazzjonalista” żied jgħid López-Istúriz. Bħala Segretarju Ġenerali tal-PPE, Antonio López-Istúriz huwa t-tieni l-aktar persuna importanti fl-akbar familja politika fl-Ewropa wara l-President Joseph Daul.

Mistoqsi dwar il-qagħda fl-Unjoni Ewropea, Antonio López-Istúriz qal li s-Soċjalisti qed jitilfu l-poter fl-Ewropa kollha. “Is-Soċjalisti qed jitilfu l-poter fl-Unjoni Ewropea kollha, u dan jista’ jiġri f’Malta wkoll fil-futur qarib” sostna López-Istúriz”.

Mistoqsi dwar ir-raġuni għaliex qed jiġi organizzat dan il-Kungress, López-Istúriz qal li huwa f’idejn il-PPE, bħala l-unika forza tar-raġuni, li tfassal il-futur tal-Unjoni.

“Aħna l-unika forza tar-raġuni li qed issostni l-ispirtu tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant qed naħdmu biex nikkordinaw il-ħidma tagħna biex infasslu l-futur għat-tfal tagħna u t-tfal tat-tfal tagħna” qalilna López-Istúriz. “Moħħna mhuwiex dwar il-futur immedjat u l-gwadann politiku, iżda dwar il-futur ta’ uliedna” temm jgħid.

Antonio López-Istúriz; is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew