Lokali

FILMAT: Il-Belt Valletta illum tagħlaq 451 sena

Illum il-Belt kapitali tagħlaq 451 sena

Illum qed jiġi mfakkar l-451 anniversarju minn meta l-Gran Mastru Jean Parisot de La Valette poġġa l-ewwel ġebla tal-Belt Kapitali. L-ewwel ġebla tal-Belt Valletta tpoġġiet fit-28 ta’ Marzu tal-1566, ftit xhur wara t-tmiem tal-Assedju l-Kbir.

Kien il-Granmastru Jean Parisot de La Valette li ordna l-bini tal-Belt Valletta biex issaħħaħ id-difiża tal-gżira li kienet għadha kemm iffaċċjat xhur ta’ attakki kontinwi mill-Ottomani fil-ġrajja li baqgħet magħrufa bħala l-Assedju l-Kbir.

Beżgħan li l-Ottomani setgħu jerġgħu jagħmlu xi tentattiv ieħor biex jieħdu lil pajjiżna u jgħaqqduh mal-imperu li diġa kellhom, La Valette għażel l-għolja Xiberras biex fuqha jibni l-Belt.

Huwa talab l-għajnuna tal-prinċpijiet u rejiet Ewropej fejn biex jikseb l-appoġġ tagħhom urihom it-tħassib tiegħu li Malta ma kinitx tiflaħ assedju ieħor.

Il-pjan tiegħu rnexxa u l-Papa Piju V bagħat lill-perit tiegħu Francesco Laparelli biex jagħmel id-disinn tal-belt il-ġdida mentri r-Re Filippu II ta’ Spanja għen b’somma kbira ta’ flus.

Laparelli għażel li jagħmel disinn tal-Belt differenti għal kollox minn kif kienu mibnijin l-irħula Maltin u Għawdxin ta’ dak iż-żmien.

Fl-1980, il-belt Valletta ġiet iddikjarata bħala sit ta’ wirt dinji mill-UNESCO  u fl-2018 se ġġorr it-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Filmati: MTA/Air Malta