Lokali

FILMAT: “Joseph Muscat qed jirrifjuta li jneħħi liċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir” – UĦM

Il-Kostituzzjoni tagħti l-għodda lill-Prim Ministru biex tkun solvuta l-kwistjoni fl-Awtorità tax-Xandir

Aktar tard tħabbar li ċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir Tania Borg Cardona irriżenjat mill-kariga.

Aktar kmieni ….

Il-Kostituzzjoni tagħti l-għodda lill-Prim Ministru biex tkun solvuta l-kwistjoni fl-Awtorità tax-Xandir; Ħadd m’għandu jkasbar id-dinjità tal-ħaddiema

Waqt konferenza tal-aħbarijiet oħra quddiem il-bini tal-Awtorità tax-Xandir fil-Ħamrun li għaliha kienu preżenti l-ħaddiema tal-Awtorità, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers qal li l-Kostituzzjoni tagħti l-għodda lill-Prim Ministru biex ineħħi liċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir mill-kariga tagħha u b’hekk tkun solvuta l-kwistjoni fl-Awtorità tax-Xandir. Hu saħaq li din mhix ġlieda dwar il-pagi jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol imma kwistjoni dwar id-dinjità tal-ħaddiema għax ħadd m’għandu jkasbar id-dinjità tal-ħaddiem.

Josef Vella qal li minkejja li saru żewġ petizzjonijiet mill-ħaddiema, il-Gvern li jgħid li jisma mhux jaġixdxi u l-Gvern mhux jieħu azzjoni. Hu appella kemm lill-Partit Nazzjonalista kif ukoll lill-Partit Laburista li huma rappreżentati fil-Bord tal-Awtorità tax-Xandir biex jieħdu stand kontra min jagħmel bullying fuq il-ħaddiema għax din l-attitudni mhix aċċettabbli.

Hu qal li kulħadd għandu juri solidarjetà mal-ħaddiema għax filwaqt li ċ-Chairperson tieħu €26,000 fis-sena, ħadd mill-ħaddiema ma jieħu ħlas bħal dan. Josef Vella qal li hu tal-mistħija li għax il-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir joħorġu jagħmlu l-protesta tagħhom b’mod paċifiku, il-Gvern mhux talli ma semagħhomx, talli qed jara kif jagħmel u jikkastigahom u jaqtagħlhom siegħa paġa. Hu qal li din hi tattika biex il-Gvern jipprova jagħlaq ħalq il-ħaddiema biex ma jsemmgħux leħinhom. Imma imbagħad il-Gvern ma jista’ jgħid li hu gvern li jisma għax minflok jaġixxi biex isolvi l-probelma, qed jikkastiga lill-ħaddiema.

Josef Vella qal li l-azzjonijiet industrijali għall-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir se jkomplu u l-UĦM Voice of the Workers lesta li anke titlob l-intervent tal-President ta’ Malta dwar din il-kwistjoni minħabba li l-Awtorità tax-Xandir hi mwaqqfa bil-Kostituzzjoni.

L-azzjonijiet industrijali qed isiru minħabba l-atteġġjament arroganti ta’ bullying, insulti u abbuż kontra dawn il-ħaddiema miċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, Tanya Borg Cardona. Il-UĦM Voice of the Workers li tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir qalet li l-atteġġjament ta’ Borg Cardona ma kien aċċettabbli fl-ebda post tax-xogħol.