Kungress EPP Malta Lokali

FILMAT: ‘Simon Busuttil għandu jkun il-Prim Ministru ta’ Malta’ – Manfred Weber

L-aktar politiċi importanti tal-Unjoni Ewropea b'tifħir dwar il-Kap tal-PN Simon Busuttil

“Malta għandha jkollha Gvern aħjar bit-tmexxija ta’ Simon Busuttil bħala Prim Ministru li jaħdem fl-interess tan-nies”. Iċ-Chairperson tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew Manfred Weber qal dan lil NET News f’kummenti esklussivi llejla, l-ewwel kummenti ta’ Weber mal-media Maltija mal-wasla tiegħu f’Malta għall-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li jibda għada.

Manfred Weber kien qed jitkellem ma’ NET News fi tmiem attività ta’ merħba li d-delegazzjoni Maltija għall-Kungress organizzat biex tilqa’ lid-delegazzjonijiet l-oħra li waslu Malta u li minn għada se jkunu qed jipparteċipaw fl-akbar attività politika tal-PPE tas-sena.

It-tifħir ta’ Weber isegwi kummenti simili li saru aktar kmieni ma’ NET News mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew Antonio López-Istúriz.

“Għażilna li niġu Malta għaliex minn hawnekk stess nistgħu niddiskutu dwar aspetti importanti tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-problema tal-immigrazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku taż-żona tan-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea” qal Weber meta mistoqsi minn NET News għaliex il-Kungress huwa importanti għall-ħidma tal-PPE fil-Parlament Ewropew. “Imma ġejna wkoll għaliex f’Malta hawn il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil, u rridu nagħtu l-appoġġ tagħna lil Simon Busuttil” żied jgħid Weber.

Mistoqsi jekk Simon Busuttil għandux ikun il-Prim Ministru li jmiss ta’ Malta, Manfred Weber ma ħasibiex darbtejn: “Malta għandha dritt li jkollha Gvern aħjar immexxi minn Simon Busuttil li jkun Prim Ministru onest u li jaħdem fl-interess tan-nies” qalilna. Weber żied li Simon Busuttil għandu ħafna kuntatti fuq livell Ewropew, u dan hu ta’ vantaġġ għal pajjiż bid-daqs ta’ Malta. Irrefera għall-iskandlu tal-Panama u l-mod kif il-Gvern preżenti Malti huwa mifni b’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, u kien hawnekk fejn saħaq li Malta għandha dritt għal Gvern aħjar.

L-attività ta’ merħba tal-lejla kienet indirizzata minn Manfred Weber u mill-President tal-PPE Joseph Daul. Tkellem ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kif ukoll il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija David Casa.