Futbol Sport

Ftit nifs għall-Awstralja

Juric tal-Awstralja (xellug) fi dwell għall-ballun ma' Ahmed tal-UAE

L-Awstralja rebħet bi skort a’ 2-0 f’partita mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 kontra l-Emirati Għarab Magħquda.

Grazzi għal din ir-rebħa l-pressjoni fuqhom issa naqqset xi ftit hekk kif jinsabu bi 13-il punt fi Grupp B u mhux ‘il bogħod mill-Ġappun u l-Arabja Sawdija li qegħdin fuqhom. Wara l-partita l-kowċ tal-avversarji tal-Awstralja, Mahdi Ali rriżenja mill-kariga.

L-ewwel żewġ timijiet li jispiċċaw fil-grupp jgħaddu b’mod awtomatiku għat-Tazza tad-Dinja li se ssir sena oħra fir-Russja. L-Awstralja kellhom bżonn din ir-rebħa wara li fl-aħħar erba’ partiti kienu ġew miżmuma draw.

Kien IRVINE li poġġa lill-Awstralja fil-vantaġġ wara biss sitt minuti hekk kif dan skurja b’daqqa ta’ ras wara cross perfett ta’ Troisi.

Meta kien fadal 12-il minuta l-Awstraljani ssiġilla ir-rebħa b’gowl ta’ LECKIE li wkoll skurja b’daqqa ta’ ras wara li rċieva mingħand l-istess Troisi.

Fi tmiem il-logħba, Mahda Ali, li kien ilu jmexxi lill-UAE mill-2012 qal li mhux se jibqa’ jmexxi lit-tim.