Futbol Sport

Futbol U21- Telfa minima għaż-żgħażagħ Maltin fil-Belġju

BELĠJU …………………… 2
MALTA ……………………. 1

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn Silvio Vella beda l-avventura tiegħu fil-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonat ewropew 2019 b’telfa minima ta’ 2-1 fil-Belġju.

Mingħajr dubju li wara r-riżultat ferm negattiv ftit tal-ġranet ilu kontra l-Lussemburgu f’logħba ta’ ħbiberija, kein hemm ċertu biżgħa għal dan id-debutt kontra avversarji ferm diffiċli.

Iżda ż-żgħażagħ Maltin qamu għall-okkażjoni l-bieraħ u minkejja li ħarġ mill-grawnd b’idejhom vojta, kisbu xorta waħda riżultat ferm prestiġjuż li jawgura tajjeb għall-kumplament tal-logħbiet, bit-tim ta’ Silvio Vella jipprova jkompli fejn ħalla fl-aħħar esperjenza ewropea meta t-tim Malti spiċċa b’rekord ta’ 11-il punt.

Il-Belġjani fetħu l-iskor ftit qabel intemmet l-ewwel taqsima grazzi għal gowl skorjat minn Ryan Kabir fit-43 minuta. Kabir li jilgħab mal-klabb Belġjan ta’ Standard Liege kien mibdul lejn it-tmiem u minflok daħal Samuel Bastien.

Fit-tieni taqsima kien Dion Cools li skorja t-tieni gowl tal-Belġjani fl-54 minuta.
Iżda l-Maltin qatt ma qatgħu qalbhom u wrew karattru biex fit-68 minuta naqqsu l-iskor grazzi għal gowl skorjat mill-captain ta’ Ħamrun Spartans Jake Grech li kien żmarkat minn Juan Corbolan.

Malta tinsab fi Grupp 6 fejn minbarra l-Belġju hemm ukoll Ċipru, l-Ungerija, l-Iżvezja, u t-Turkija, fejn l-impenn li jmiss għal Malta jkun fl-1 ta’ Settembru b’logħba oħra barra minn darna kontra Ċipru.

Belġju: N. Jackers, M. Bossaerts, D. Cools, B. Heynen, R. Kabir (S. Bastien 82 min), I. Mbenza, S. Miangue, S. Mmaee, J. Ngoy (M. Bensson 68 min), S. Schrijvers, J. Vanlerberghe.
Malta: J. Galea, J. Borg (Z. Scerri 46 min), J. Corbolan, J. Degabriele (M. Beerman 63 min), J. Grech, M. Guillaumier, J. Mbong, K. Micallef, K. Nwoko, D. Vella, K. Zammit.
Referee: Rob Harvey (Irlanda)