L-attakkant ta’ Hibernians Gilmar Ribeiro da Silva huwa l-BOV Plejer tax-Xahar għal Marzu 2017. Hibernians kellhom prestazzjonijiet tajba ħafna matul ix-xahar ta’ Marzu bi tliet rebħiet fuq Sliema, Mosta u Pembroke biex telgħu fil-quċċata tal-Kampjonat BOV Premier.
Il-Brażiljan, li fl-aħħar jiem għalaq 27 sena, ħalla l-marka tiegħu f’din il-ġirja pożittiva meta skorja żewġ gowls fir-rebħa kbira ta’ Hibernians fuq Mosta bl-iskor ta’ 4-0. Gilmar skorja l-ewwel gowl għat-tim ta’ Mark Miller wara biss tmien minuti meta b’xutt qawwi minn 25 metru għeleb lil Yenz Cini li ma seta’ jagħmel xejn biex isalvah. Gilmar skorja t-tieni gowl fit-53 minuta, wara li rċieva tqassima mingħand Marcelo Dias minn fuq il-lemin u għeleb lil Cini.
Din hija r-raba’ darba li Gilmar rebaħ dan l-unur individwali, b’dan ikun l-ewwel wieħed ma’ Hibs, filwaqt li l-ewwel tlieta kien rebaħhom ma’ Naxxar.
Marica Ellul, il-Maniġer tal-Fergħa ta’ Raħal Ġdid tal-Bank of Valletta ppreżentat it-trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Marzu 2017 lil Gilmar Ribeiro da Silva li għażel lil ALS (Malta) biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.
//= $special ?>