Lokali Qorti

Ikkonfermata sentenza ta’ priġunerija wara li użat ‘pepper spray’ ma’ klijent tagħha

Ikkonfermata sentenza tal-Qorti tal-Appell għal tliet snin priġunerija fil-konfront ta’ mara li, f’Ġunju 2015, kienet instabet ħatja li serqet flus bi vjolenza minn fuq raġel, kif ukoll li darbitu u li kienet riċediva.

Il-każ seħħ fit-18 ta’ Marzu 2013 meta tard bil-lejl ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, rikkeb lill-akkużata Elaine Muscat mill-Gżira. Hu saqha sa Ta’ Xbiex, fejn ħallasha €20 għal xi servizzi sesswali.

Wara xi ħin flimkien, ir-raġel innota li €300 li kellu fil-but spiċċaw nieqsa u akkuża minnufih lill-mara li kienet serqitlu l-flus. Hu qabdilha idha u l-mara wieġbet billi attakkatu bil-‘pepper spray’ qabel ma ħarġet tiġri mill-karozza.

Ir-raġel segwieha u ħatfilha l-basket biex ifittex fih, bil-mara reġgħet attakkatu bil-‘pepper spray’. F’dan l-istadju, hu beża’, rikeb il-karozza u telaq mill-post.

Madankollu, kif wasal fiż-żona ta’ Ħal Farruġ, hu ma setax jara aktar u ċempel lil martu għall-għajnuna minħabba li ma setax ikompli jsuq. Mistoqsi minn martu, ir-raġel qal li kien aggredit minn żewġ persuni ta’ karnaġġjon skur.

Meta tkellem mal-Pulizija, l-investigaturi ndunaw li l-verżjoni tar-raġel ma kinitx kredibbli għalkollox, tant li r-raġel spiċċa għażel li jgħid il-verità. Hu kien iċċertifikat li sofra minn feriti ħfief kaġun tal-‘pepper spray’, kif ukoll kawża ta’ daqqa li kellu fuq xufftejh.

Sadanittant, fl-appell tagħha, Muscat qalet li l-‘pepper spray’ ma jistax jitqies bħala arma korrożiva. Għaldaqstant, qalet li ma kellhiex tinstab ħatja ta’ serq bi vjolenza. Iżda l-Imħallef Giovanni Grixti qal li minkejja li l-‘pepper spray’ mhux sustanza korrożiva, xorta jitqies bħala arma.

Il-mara saħqet ukoll li l-ferita fuq xufftejn ir-raġel saret għax beżgħet minnu minħabba li kienet waħedha. Iżda għal dan il-punt, il-Qorti qalet li ma jagħmilx differenza għaliha meta tkun seħħet il-ferita, iżda li attwalment tkun saret.

Għaldaqstant, u wara li kkunsidrat ukoll il-fedina penali ta’ Muscat, il-Qorti ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza ta’ tliet snin priġunerija mogħtija mill-Ewwel Qorti.