Internazzjonali

Il-Korea t’Isfel: Jinstabu l-fdalijiet ta’ bnedmin fuq is-‘Sewol’

 

Instabu l-fdalijiet ta’ bnedmin li jaħsbu huma ‘ta’ wieħed jew aktar’ fost il-vittmi neqsin tal-vapurett ‘Sewol’ li kien għereq ’il hinn mill-gżira ta’ Jindo fis-16 ta’ April tal-2014. F’din it-traġedja mietu 304 persuna – kważi kollha tfal – u l-aħħar żviluppi kienu żvelati xi jiem wara li s-‘Sewol’ kien ittella’ minn qiegħ il-baħar fi proġett għall-irkuprar diffiċli.

Minn dakinhar tal-għarqa ’il hawn, il-katavri ta’ disa’ persuni fuq is-‘Sewol’ ma kienu rkuprati qatt u qrabathom ilhom dan iż-żmien kollu jinsistu b’kampanja biex il-fdalijiet tal-għeżież jittellgħu mill-baħar.

Intant, il-vapurett kien irkuprat, il-ġimgħa l-oħra, fejn tqiegħed fuq inġenju li qed jittrasportah lejn il-port. Fl-istess ħin, ir-rapporti qalu li ‘l-ewwel fdalijiet ta’ wħud min-neqsin’ kienu indikati f’kamra speċifika (tal-vapurett) għall-passiġġieri.

Filwaqt li mhux ikkonfermat jekk il-fdalijiet humiex ta’ nies differenti, il-Ministeru Korean għall-Oċeani u s-Sajd stqarr li se jsiru testijiet tad-DNA fuqhom għal skopijiet ta’ identifikazzjoni.

Il-pjattaforma bis-‘Sewol’ mistennija tasal fil-port ta’ Mokpo aktar tard din il-ġimgħa fejn se jkun hemm jistennewha l-qraba tal-vittmi. Il-vapurett, imbagħad, jgħaddi minn proċess ta’ tindif qabel issir tfittxija bir-reqqa fil-kompartamenti tiegħu.

It-traġedja tas-‘Sewol’ kienet ixxukkjat il-poplu kollu tal-Korea t’Isfel, b’mod partikulari għaliex ħafna min-nies abbord kienu studenti li kienu jattendu l-istess skola għolja. Intant, numru kbir fost dawn il-vittmi kienu mxew mal-istruzzjonijiet żbaljati li tawhom il-membri tal-ekwipaġġ u baqgħu magħluqin fil-kabini waqt li l-vapurett kien qed jegħreq.

 

Sadattant, il-qraba ta’ dawn il-vittmi, iillum, ħadu sehem f’servizz ta’ tifkira għall-għeżież mitlufa li sar fuq dgħajsa qrib l-inġenju li qed iġorr il-vapurett ‘Sewol’.