Lokali

KONFERMATA: Il-Gvern beda l-proċess biex ikeċċi l-ħaddiema mill-Air Malta

F’aħbar li ħarġet dalgħodu, il-Gvern ikkonferma li beda l-proċess biex ikeċċi l-ħaddiema tal-Air Malta. Dan hekk kif tħabbar li se jitwaqqaf kumitat tal-Gvern li se jkollu l-għan li jiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet tat-tkeċċija tal-ħaddiema.

Dan il-kumitat se jkollu rappreżentanza tal-Ministeru għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Finanzi, kif ukoll tal-management tal-Air Malta. Il-Gvern qal li dan il-kumitat se jkun presedut mill-President Emeritus George Abela.

L-aħbar li se jitwaqqaf dan il-kumitat ingħatat l-ewwel waqt laqgħa li l-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis kellu mal-Union tal-Cabin Crew. Wara, l-aħbar ġiet ikkomunikata mal-media permezz ta’ stqarrija tal-Gvern.  Dan fl-istess waqt li fl-aħħar ġimgħat żdied sew l-inkwiet fost il-ħaddiema tal-Air Malta wara numru ta’ konfermi mill-Gvern li se jkun qed ikeċċi l-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru.

L-ewwel kien il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis stess li ma’ The Sunday Times of Malta kien ikkonferma li l-Gvern għandu l-intenzjoni li jkeċċi l-ħaddiema. L-aħbar kienet ġiet ikkonfermata b’mod indirett mill-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu nhar il-Ħamis li għadda waqt ‘Gvern Li Jisma” f’Għawdex, fejn kien qal li l-Gvern lest li jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn. Sal-bieraħ stess, imbgħad, Zammit Lewis qal li fl-Air Malta hemm aktar ħaddiema milli hemm bżonn.

Aktar:- Zammit Lewis jgħid li fl-Air Malta hemm aktar ħaddiema milli hemm bżonn

Skont stqarrija tal-Gvern, il-kumitat li se jiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet tat-tkeċċija tal-ħaddiema se jkun qed jara li jintlaħaq ftehim mal-Unions kollha tal-ħaddiema tal-linja tal-ajru dwar skemi ta’ irtirar u negozjar ta’ ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Air MAlta, bil-għan li jintlaħqu sal-aħħar ta’ Ġunju.

Filwaqt li l-Gvern beda l-proċess biex ikeċċi l-ħaddiema tal-Air MAlta, il-pjan tal-Gvern għall-Air Malta jidher li għadu fl-ajru hekk kif għad m’hemmx ċertezza li jinstab sieħeb strateġiku vijabbli għall-linja nazzjonali tal-ajru. Taħdidiet ta’ xhur twal mal-Alitalia, fosthom anke l-iffirmar ta’ memorandum of understanding, kienu sfaxxaw fix-xejn, minkejja diversi wegħdi mill-Gvern u mill-Ministru Zammit Lewis li jkun iffirmat ftehim ma’ sieħeb strateġiku ġdid.

Edward Zammit Lewis huwa responsabbli mill-Air Malta