Wara kontroversja ta’ diversi ġimgħat irriżenjat iċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir Tania Borg Cardona
Wara pressjoni li saret kemm mill-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir, mill-UHM Voice of the Workers u anke mill-Oppożizzjoni fil-Parlament b’kundanna għall-attitudni ta’ bullying u ta’ arroganza li kienet qed tissarraf fi tkasbir tad-dinjità tal-ħaddiema, iċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir, Tanya Borg Cardona, irriżenjat wara li l-ħaddiema u l-union ilbieraħ stess reġgħu appellaw biex id-drittijiet tal-ħaddiema ma jkomplux jiġu mkasbra.
Fi stqarrija tal-Gvern, tħabbar li l-Prim Ministru kien infurmat li Tanya Borg Cardona ssottomettiet ir-riżenja tagħha minn Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir lill-President ta’ Malta.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru intqal li filwaqt li ċaħdet li l-pożizzjoni kienet f’kunflitt ta’ interess u sostniet li dejjem imxiet b’imparzjalità li din l-Awtorità teħtieġ, hija xorta waħda ħasset li fl-aħjar interess tal-Awtorità tax-Xandir għandha tirreżenja mill-kariga ta’ Chairperson.
Minkejja dak li kienu qed issostnu u jappellaw il-ħaddiema u l-union li tirrappreżentahom biex ma jibqgħux jiġu mkasbra d-drittijiet tagħhom bl-atteġġjament ta’ Tany Borg Cardona, il-Prim Ministru fl-istqarrija pubblika rringrazzja lis-Sinjura Borg Cardona għas-servizz tagħha u awguralha għall-futur.
Fl-istqarrija ntqal li immedjatament il-Prim Ministru se jibda l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-ħatra ta’ Chairperson ġdid tal-Awtorità tax-Xandir fil-jiem li ġejjin.
Aktar kmieni matul il-ġurnata tal-bieraħ, saret it-tieni konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Awtorità tax-Xandir fil-Ħamrun li għaliha kienu preżenti l-ħaddiema tal-Awtorità. Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, reġa’ appella lill-Prim Ministru biex ineħħi liċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir mill-kariga tagħha u b’hekk tkun solvuta l-kwistjoni fl-Awtorità tax-Xandir.
Il-UĦM u l-ħaddiema fissru lbieraħ li din hi kwistjoni dwar id-dinjità tal-ħaddiema u mhix ġlieda dwar il-pagi u dwar talbiet għal kundizzjonijiet aħjar tal-ħaddiema.
Fl-aħħar ġimgħat, il-UĦM Voice of the Workers kienet ordnat diversi azzjonijiet industrijali mill-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir.
Anke l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuuttil fil-Parlament u anke waqt attivitajiet politiċi, kemm-il darba appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex ineħħi liċ-Chairperon tal-Awtorità tax-Xandir minħabba l-mod kif kienet qed tittratta lill-ħaddiema.
Sadattant, kien żvelat li Tanya Borg Cardona kellha impjieg ieħor mal-Gvern f’position of trust li jmur kontra l-kodiċi ta’ etika. Żewġ membri tal-bord tal-Awtorità qalu li l-bord qatt ma kien infurmat b’dan l-impjieg l-ieħor mal-Gvern.
B’referenza għar-riżenja taċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir, fuq twitter il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li wara l-kriżi fl-Awtorita’ tax-Xandir hu dejjem aktar importanti li ċ-chairperson il-ġdid tal-Awtorita’ jkun maħtur b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament.
Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu Awtorità tax-Xandir serja, kompetenti u imparzjali – Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li pajjiżna jixraqlu Awtorità tax-Xandir bi tmexxija serja, kompetenti u imparzjali. Bħala l-ewwel pass lejn din id-direzzjoni, ċ-Chairperson il-ġdid tal-Awtorità tax-Xandir għandu jinħatar b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota r-riżenja taċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, wara ġimgħat twal ta’ ittri mill-ħaddiema, azzjonijiet industrijali u wara li ġie żvelat li kienet qed tikser il-Kodiċi tal-Etika meta kienet ukoll person of trust tal-Prim Ministru.
Issa, l-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir u l-poplu Malti u Għawdxi jixirqilhom Awtorità bi tmexxija serja u kompetenti li tirrispetta l-ħaddiema u d-dritt ta informazzjoni imparzjali, bilanċjat u oġġettiv taċ-ċittadin. Awtorità ġdida għandha tibda billi tassigura li l-oxxenitajiet fil-PBS jieqfu darba għal dejjem. Il-Partit Nazzjonalista lest li joffri l-koperazzjoni tiegħu biex il-persuna li tintgħażel għal din il-kariga – daqstant viċin l-elezzjoni – tkun persuna bl-aqwa kredenzjali.
Il-Partit Nazzjonalista diġà mpenja ruħu li malli jkun fil-Gvern se jaħtar liċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Dan il-pass għandu jibda minn issa, biex ikun assigurat li dak li kien qed jiġri fl-Awtorità fl-aħħar xhur ma jerġax jirrepeti ruħu. Kull ma hemm bżonn hi rieda tajba – għal darba – minn naħa tal-Prim Ministru.
Aktar kmieni …
//= $special ?>FILMAT: “Joseph Muscat qed jirrifjuta li jneħħi liċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir” – UĦM