Lokali

L-eks fabbrika tal-ħalib f’Għawdex tingħata status ta’ protezzjoni

L-eks fabbrika tal-ħalib f'Għawdex

L-Awtorita’ tal-Ippjanar tat status ta’ protezzjoni lill-binja tal-Amministrazzjoni tal-eks fabbrika tal-ħalib fix-Xewkija, Għawdex, bħala binja skedata fi Grad 2, inkluż il-buffer zone.

Il-binja fuq stil modernista, tas-snin ħamsin, ġiet iddisinjata mill-perit magħruf Malti, Joseph Huntingford (1926-1994), li tinsab fi Triq l-Imġarr u fi Triq il-Pitkali fix-Xewkija, Għawdex. Il-binja nnifisha hi magħmula minn elementi arkitettorali eċċezzjonali, li hi riflessjoni tal-Moviment Modernista.

Fis-snin ħamsin u l-bidu tas-sittinijiet, Huntingford kien il-perit imqabbad mill-gvern sabiex jiddisinja u jieħu ħsieb il-kostruzzjoni ta’ wħud mill-binjiet ewlenin f’Għawdex, bħall-fabbrika tal-ħalib fix-Xewkija, kif ukoll skejjel tal-gvern, bħall-iskola tal-Primarja fil-Qala, li jingħad li hi waħda mill-aqwa eżemplari ta’ arkitettura moderna fuq il-ġzira.

Id-disinn arkitettorali ta’ Huntingford isegwi tendenza internazzjonali taż-żmenijiet, magħrufa bħala Modernista. L-approċċ użat hu karatterizzat minn disinn simplifikat, nieqes minn kwalunkwe ornamentazzjoni, bl-użu ta’ canopy cantilever u window hoods, li huma biss possibbli permezz tal-użu tal-konkrit. Dan filwaqt li jħaddan regoli tal-arkitettura klassiċa bħal proporzjon, ritmu, bilanċ, simetrija, linji, logħob bid-dawl u d-dell.

Barra minn hekk, il-kapaċita’ ta’ Huntingford hi li jdaħħal karatteristici lokali fid-disinn ta’ binja modernista. Fil-binja amministrattiva tal-fabbrika tal-ħalib, huwa juża faċċata konkavi ispirata mill-faċċata mgħawġa tat-tempji megalitiċi tal-gżejjer Maltin. Jidher ċar ukoll l-użu tal-vernakolari permezz tal-materjali sempliċi l-iktar komuni, bħall-briks tal-konkrit, li kienu komuni f’dak iż-żmien, u joħloq il-kurituri brise soleil li jgħatu kenn lill-utent mill-elementi u jiffiltra d-dawl naturali.