Is-sejħa għal tieni referendum dwar l-indipendenza tal-Iskozja mingħand il-Ministru Ewlieni, Nicola Sturgeon, kienet appoġġjata formalment mill-Parlament Skoċċiż ta’ Holyrood.
Id-deputati Skoċċiżi vvutaw b’69 kontra 59 favur l-impenn lejn il-permess għal referendum, qabel ir-Renju Unit jispiċċa bħala membru tal-Unjoni Ewropea. Sadanittant, Sturgeon qalet li l-pass kien meħtieġ biex l-Iskozja tiddeċiedi t-triq li għandha ssegwi wara l-vot ta’ xhur ilu mir-Renju Unit favur il-Brexit.
Intant, il-Gvern tar-Renju Unit diġà qal li għandu jostakola referendum għall-Iskoċċiżi sakemm il-proċess tal-Brexit ikun konkluż. Dan meta l-Prim Ministru Britanniku, Theresa May ( li nhar it-Tnejn iltaqgħet ma’ Sturgeon fi Glasgow għal taħditiet) insistiet diversi drabi li ‘issa mhux iż-żmien għal referendum fl-Iskozja’.
Qabel il-vot fil-Parlament ta’ Holyrood, Sturgeon qalet, waqt dibattitu, li hi ma kenitx qed tfittex konfront u riedet biss ‘taħditiet bis-sens ma’ Londra’. Hi kompliet li l-Iskoċċiżi għandhom jingħataw id-dritt li jagħżlu bejn il-Brexit u Skozja indipendenti waqt li esprimiet tama li l-Gvern ta’ May jirrispetta r-rieda ta’ Holyrood.
//= $special ?>