L-Opożizzjoni pproponiet li jitwaqqaf kumitat ta’ tmexxija għaż-żona ta’ Ħal Mula f’Ħaż-Żebbuġ biex jintlaħaq bilanċ bjen l-aspetti residenzjali u dawk kummerċjali ta’ din iż-żona.
Din il-proposta saret mid-deputat Nazzjonalista Ryan Callus fit-tielet laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp li ddiskuta l-policy dwar iż-żona industrijali u residenzjali ta’ Ħal Mula. Fil-Kumitat f’isem l-Oppożizzjoni pparteċipat ukoll ix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli. Il-Gvern kien rappreżentat mid-deputati Godfrey Frarugia u Charles Mangion u s-Segretarju Parlamentari Deborah Schmebri.
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li jidher li hemm diżgwid bejn ir-residenti u n-negozjanti fejn it-tnejn għandhom element ta’ raġun. Hu sostna li fiż-żona hemm erba’ cowboys li jipparkjaw ħames darbiet wara xulxin b’mod irregolari. Dan hu diżrispett għar-residenti li joqgħodu hemm. L-operaturi għandhom jagħrfu li din id-diskussjoni qed issir propju għax kien hemm minnhom li wrew diżrispett lejn ir-residenti. Hu semma l-istorbju u qal li hemm ukoll problemi ta’ tniġġiż minn dħaħen.
Dwar l-industrija, Ryan Callus semma d-diffikultajiet li dawn għandhom wara li kienu ilhom stabbiliti fil-post għal diversi snin. Hu qal li l-flus li qed jitħallsu mhux dejjem qed imorru għall-parkeġġ. Il-kunsill għandu jkun marbut li joħloq spazju addizzjonali ta’ parkeġġ.
Ryan Callus qal li s-sitwazzjoni għandha titjieb u qal li l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-pjan iżda taqbel li għandu jitwaqqaf kumitat bejn ir-residenti, in-negozjanti, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, il-pulizija, il-kunsill lokali, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi. Dan il-Kumitat għandu jitlaqa’ darba fix-xahar, sostna Ryan Callus, li enfażizza l-importanza tal-infurzar. Tul is-snin l-awtoritajiet ma ħadmux fl-infurzar u għalhekk il-kumitat li għandu jitwaqqaf.
Id-deputat Laburista Godfrey Farrugia qal li l-infurzar għandu jkun kif suppost u li l-policy tal-iżvilupp ma tinbidilx ħlief fejn hemm residenti f’permessi ġodda għal-light industry u għall-estenzjoni tat-tieni u t-tielet sular. Hu qal li l-ERA se tħares l-interess tal-ambjent u sostna li hemm bżonn ikun hemm ambjent aħjar fiż-żona kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-operaturi.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari Franco Mercieca qal li l-Kumitat qed jirrakkomadna li jkun imwaqqaf il-kumitat propost għaliex il-kunċett ta’ ‘casa bottega’ ma jaħdmix. Dan il-kunċett m’għandux ikun attwat iktar fil-pajjiż, sostna d-deputat Laburista Franco Mercieca.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Sarah Agius qalet li kellha ħafna ilmenti mir-residenti fejn il-kwistjoni ewlenija hi l-infurzar. Il-kunsill tkellem diversi drabi mal-pulizija u mal-gwardjani lokali u jemmen li għandu jkun hemm rispett reċiproku.
Is-sindku qalet li għandhom ikunu osservati l-liġijiet u ppreżentat emails bl-ilmenti mir-residenti taż-żona. Il-kunsill talab ukoll li jkun hemm camera ta’ sorveljanza u parkeġġ iżda Transport Malta m’aċċettatx din il-proposta. Importanti jkunu stabbiliti l-ħinijiet tax-xogħol fiż-żona. Minkejja li r-responsabbiltà tal-ġbir tal-iskart hi ta’ Projects Malta, qed ikun il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ li jispċċa jiġbor dan l-iskart.
Il-Perit Tancred Mifsud, li rrappreżenta lill-persuni li jaħdmu u jgħixu fl-istess żona, qal li fl-1988 il-parlament approva li jkun hemm żvilupp ta’ residenzi u setturi kummerċjali. Il-prijorità għandha tibqa’ li ż-żona tkun kummerċjali. Fl-2012 l-MEPA kienet tirrikonoxxi li f’Malta hawn nuqqas ta’ art għal użu industrijali.
Hu qal li l-akbar problemi huma l-parkeġġ u l-konflitt bejn ir-residenti u l-industrija. L-Awtorità tal-Ippjanar għandha tistipula kundizzjonijiet neċessarji. Is-sidien kummerċjali jaqblu li jikkollaboraw għal soluzzjonijiet għall-problema tal-parkeġġ biex din titaffa kemm għas-settur kummerċjali kif ukoll għar-residenti.
Is-sidien jaqblu mal-infurzar iżda qabel l-infurzar għandu jkun hemm programm ta’ edukazzjoni fost l-industrijalisti u fost ir-residenti. In-nies li diġà qed jaħdmu fiż-żona investew ħafna flus fuq apparat biex itejbu l-operat industrijali tagħhom u mhux ġust li jiżdiedu r-residenti ma’ dak li hemm eżistenti fiż-żona.
Il-Perit Mifsud tkellem dwar il-policy dwar ir-residenzi u qal li huma jaqblu li għal kull residenza fis-sular ta’ fuq ikun hemm spazju għall-parkeġġ inkella ma jingħatawx permessi.
Id-deputat Laburista Godfrey Frarugia enfażizza l-importanza li l-ħitan tal-postijiet ikunu mibnija b’mod li jikkontrollaw il-ħsejjes biex ma jkunx hemm problemi u inkonvinjenti għar-residenti.
L-Avukat Jeancarl Farrugia mill-GRTU qal li din il-kwistjoni fuq Ħal Mula għandha tittieħed mill-mod ħolisitiku tal-pajjiż. Hu sostna li parti essenzjali mill-ekonomija hi bbażata fuq in-negozji żgħaru u medji. L-Avukat Farrugia qal li fl-1988 issagrafika żona ODZ propju biex dawn in-nies ikunu jistgħu joperaw. Hu tkellem dwar il-kunċett ta’ casa bottega u sostna li l-GRTU qed tipproponi li f’każi ta’ bejgħ, l-applikazzjonijiet ikunu kkunsidrati bħala ta’ prijorità kummerċjali u mhux residenzjali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Johnan Buttigieg qal li l-ERA qed tevalwa l-permessi fil-kuntest ambjentali fejn diversi setturi se jkollhom bżonn permessi operattivi u ambjentali. Is-setturi se jkunu regolati skont l-iskart li jiġġeneraw u mhux l-operat tagħhom. Bħalissa l-ERA qed tikkunsidra diversi aspetti ta’ regolarizzazzjoni.
Id-deputat Laburista Godfrey Farrugia espriema diżappunt għal din id-dikjarazzjoni u qal li l-istorbju wkoll għandu jkun ikkunsidrat mill-ERA.
Il-Perit Simon Vella Linicker mill-Kamra tal-Periti qalet li hu evidenti li l-akbar problemi huma l-operat, in-nuqqas ta’ kontrolli u l-frammentazzjoni ta’ responabbiltajiet. Hi ssuġġeriet biex il-konsultazzjoni mal-pubbliku u fil-Kumitat ikunu sussegwenti għal xulxin, bil-konsultazzjoni pubbliku tkun l-ewwel. Il-Kamra tal-Periti qed tipproponi l-bdliet fil-liġi neċessarji biex dan ikun jista’ jsir kif sar fil-master plan ta’ Pacveille.
//= $special ?>