Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li pajjiżha qed jiffaċċja ‘wieħed mill-aktar mumenti sinjifikanti’ fl-istorja riċenti tiegħu. Dan meta hi qed tħejji biex għada, fi Brussell, tippreżenta l-ittra ta’ Artiklu 50 biex tattiva l-proċess għall-Brexit, li jfisser tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea li ilu jifforma parti minnha mill-1973.
May, li għada tinforma uffiċjalment lill-UE bix-xewqa tal-Britanniċi li jispiċċaw bħala membri tal-Unjoni, spjegat li l-għan ewlieni tagħha jinvolvi ‘partnership profond u speċjali (mal-UE) wara l-Brexit’. Hi kompliet li ‘Renju Unit li jkattar politika globali se jkun jista’ jibni l-alleanzi ġodda barra l-Unjoni’.
Madankollu, id-deputati parlamentari Britanniċi li jridu pajjiżhom ikompli bis-sħubija fl-Unjoni insistew li May trid tagħti kont jekk kemm il darba hi tfalli milli tilqa’ l-għanijiet fl-interess nazzjonali.
Sadanittant, numru ta’ diplomatiċi jemmnu li Theresa May qed tirtira mit-theddida oriġinali biex toħroġ pajjiżha mill-Unjoni ‘mingħajr ftehim’ u li hi irrealizzat il-ħsarat ekonomiċi kbar għar-Renju Unit minn pass ta’ dan it-tip. B’hekk, żdiedu t-tamiet li l-ittra ta’ għada ma tirrepetix it-twissija dwar hekk-imsejjaħ hard Brexit li kienet ħarġet biha May f’Jannar u fejn hi qalet li ‘l-ebda ftehim għar-Renju Unit ikun aħjar minn ftehim ħażin (mal-UE)’.
Qed jingħad ukoll li t-theddida speċifika minn Londra jonqosha l-kredibbiltà minħabba l-ispejjeż kbar li x’aktarx ikunu imposti fuq l-ekonomija Britannika f’każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim ma’ Brussell – inkluż minn aspett tranżizzjonali.
Aktar kmieni fix-xahar, is-Segretarju Britanniku għall-Brexit, David Davis, issorprenda bil-kumment li l-Gvern tiegħu ma għamel l-ebda evalwazzjoni ekonomika dwar ‘il-ħruġ mill-UE mingħajr ftehim’.
Min-naħa tiegħu, Michel Barnier, li qed imexxi n-negozjati tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Brexit, għamilha ċara li r-Renju Unit iġarrab il-konsegwenzi ekonomiċi ħżiena ħafna jekk jitlaq mingħajr ma jiffissa l-ftehim kummerċjali ma’ Brussell.
//= $special ?>