Lokali

Mhux vera li ċ-Chairperson infurmat lill-Bord dwar l-impjieg tagħha mal-Gvern

Tania Borg Cardona, iċ-Chairperson tal-Awtorita' tax-Xandir

Żewġ membri tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir qed jikkontradixxu liċ-Chairperson tal-Awtoritá, Tanya Borg Cardona dwar l-impjieg tagħha mal-Gvern u qalu li mhux minnu li hi infurmat lill-Bord dwar dan.

F’artiklu fl-ewwel paġna tat-Times of Malta jikkwota lil Christopher Scicluna li hu membru tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir li qal li l-ewwel darba li hu sar jaf li Tanya Borg Cardona kellha impjeig ieħor mal-Gvern biex tipprovdi servizzi ta’ protokoll kien permezz tal-gazzetta Times of Malta. Fir-reazzjoni tiegħu, Scicluna qal li hu qatt ma jiftkar jew għandu xi rekord li ċ-Chairperson tal-Awtorità infurmat lill-Bord dwar dak l-impjieg mal-Gvern u min isostni li l-membri tal-Bord kienu infurmati, mhux korrett.

Fir-reazzjoni tiegħu, Peter Fenech li wkoll hu membru tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir ukoll qal li hu ma kienx jaf bl-impjieg li ċ-Chairperson tal-Awtorità għandha impjieg ieħor mal-Gvern. Hu ikkonferma mat-Times of Malta li ma kienx infurmat b’dak l-impjieg ta’ Tanya Borg Cardona bħala person of trust mal-Gvern.

Il-membri l-oħra tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, Frans Ghirxi li kien editur tal-gazzetta l-Orizzont u Alessandro Lia ma weġbux mistoqsijiet tat-Times of Malta dwar jekk kinux infurmati minn Tanya Borg Cardona dwar l-impjieg taghħha mal-Gvern.

The Times of Malta qalet li tinsab infurmata li fil-minuti tal-laqgħat tal-Awtorità tax-Xandi m’hemmx rekord li Tanya Borg Cardona għandha impjieg ieħor mal-Gvern.

Il-ġimgħa l-oħra l-gazzetta ikkonfermat li minbarra li minbarra l-kariga ta’ Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir li hi mwaqqfa bil-Kostituzzjoni, Tanya Borg Cardona kienet ukoll impjegata bħala person of trust fl-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru Louis Grech biex tipprovdi servizzi lit-Taqsima tal-Presidenza ta’ Malta tal-UE.

Skont il-kodiċi ta’ etika applikabbli għall-membri kollha tal-Awtorità tax-Xandir, Tanya Borg Cardona kellha dmir li tinforma lill-Bord bil-kitba dwar it-tieni impjieg tagħha mal-Gvern. Għalkemm hi qalet li għamlet dna fi Frar 2016, hi naqset li tipprovdi l-minuti tal-laqgħa u kopja tad-dikjarazzjoni bil-miktub skont il-kodiċi ta’ etika.