Wara qtugħ fl-elettriku kważi f’Malta kollha, għal darb’oħra l-Gvern waħħal fl-interconnector bħala l-kaġun tal-mod kif inqata’ d-dawl. Dalgħodu kważi Malta kollha spiċċat bla dawl għal xi ħin. L-ewwel qtugħ seħħ għall-ħabta tal-10 ta’ filgħodu. F’xi lokalitajiet wara madwar 20 minuta id-dawl beda jirritorna, iżda f’lokalitajiet oħra damu aktar bla dawl.
Fi stqarrija, il-Gvern permezz tal-Enemalta qal li l-qtugħ tad-dawl sar meta ntfew transformers tal-interconnector minħabba diffikultà teknika waqt ħidma ta’ manutenzjoni skedata fit-terminal station tal-Enemalta f’Ragusa.
Filgħodu, rapporti ta’ postijiet bla dawl ġew minn lokalitajiet madwar Malta kollha. Żoni industrijali bħal Ħal-Far wkoll għamlu xi ħin bla dawl. Il-Gvern qal, fl-istqarrija tiegħu permezz tal-Enemalta, li ‘l-kumpanija rreġistrat telf fil-kapaċità fis-sistema nazzjonali tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’daqqa… il-provvista tal-elettriku f’għadd ta’ lokalitajiet inqatgħet mill-ewwel permezz ta’ proċedura ta’ protezzjoni awtomatika biex tibbilanċja d-domanda u l-provvista u tevita li tintefa s-sistema kollha’. L-istqarrija żżid li l-elettriku mill-impjant tal-BWSC għen biex reġgħet ġiet il-provvista tal-elettriku lura.
L-aħħar li nqata’ d-dawl kien fis-7 ta’ Frar li għadda u dakinhar il-Gvern ukoll kien qal li l-ħsarat kienu tort tal-interconnector kawża tal-maltemp fi Sqallija. Fi Facebook, ħafna staqsew jekk il-Gvern hux se jwaħħal fl-interconnector din id-darba wkoll.
Il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku ħasad lill-pajjiż tant li f’diversi toroq ukoll ma bdew jaħdmu t-traffic lights, b’rapporti mill-Marsa li għal xi ħin kien hemm konġestjoni kbira tat-traffiku fost diversi żoni oħra. Skont rapporti fil-media, il-qtugħ tal-elettriku wassal biex kellha tkun posposta konferenza tal-aħbarijiet mill-Kummissarju Ewropew għat-Trasport li qegħda Malta biex titkellem dwar il-qasam tat-trasport.
//= $special ?>