Internazzjonali

Vjolenza u arresti f’Pariġi wara l-qtil ta’ Ċiniż

 

Talanqas 30 persuna spiċċaw arrestati fi vjolenza li żbruffat, f’Pariġi, wara l-qtil ta’ raġel miċ-Ċina. Intant, weġġgħu anki xi pulizija waqt sensiela ta’ konfronti ma’ dimostranti fl-inħawi tal-kapitali Franċiża.

Il-vjolenza segwiet dimostrazzjoni quddiem għassa tal-pulizija fejn il-folol raddew ġieħ lill-maqtul fost xeni ta’ tensjoni kbira. Sadattant, il-familja tal-mejjet qed tiċħad li ċ-Ċiniż kien attakka pulizija b’imqass wara li tal-aħħar wieġeb, nhar il-Ħadd, għal rapporti dwar tilwima domestika fid-dar tal-vittma li tinsab fid-19 il-distrett tal-kapitali.

Iċ-Ċiniż, li kellu 56 sena, spiċċa maqtul minn tiri ta’ arma u familtu qed tirrifjuta ‘il-verżjoni tal-pulizija’ fejn sostniet li l-uffiċjali kienu tefgħu il-bieb tad-dar’il ġewwa, bir-raġel (il-missier) ‘jispiċċa mal-art wara sparatura’.

Iċ-Ċina, min-naħa tagħha, ilmentat b’mod formali dwar il-każ u sejħiet ‘biex Franza tipproteġi lin-nazzjonali Ċiniżi f’artha’.