Kungress EPP Malta Lokali

FILMAT: “Bil-korruzzjoni, il-politika ma tibqax servizz imma ssir mezz ta’ kilba għall-poter”

“Il-korruzzjoni twassal għal inġustizzji, għal faqar ġdid, għar-regħba. Bil-korruzzjoni, il-politika ma tibqax servizz imma ssir mezz ta’ kilba għall-poter. Ċittadini li jarawna inattivi quddiem il-korruzzjoni jitilfisu l-fiduċja fil-politika u l-politiċi.”

Wissiet dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake, li bid-diskors tagħha fetħet il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’pajjiżna.

Filwaqt li tkellmet kontra l-korruzzjoni, l-ikbar sfida li għandu pajjiżna taħt it-tmexxija tal-Gvern ta’ Joseph Muscat, hi wissiet li l-poplu jrid Ewropa tan-nies, fejn l-istutuzzjonijiet ikunu hemm għan-nies, u mhux in-nies biex iservu lill-istutuzzjonijiet.

“Aħna rridu Ewropa tan-nies. L-istituzzjonijiet qegħdin hemm għan-nies u mhux in-nies biex iservu l-istituzzjonijiet,” qalet Rosette Thake waqt li kienet qed tindirizza lil dawk preżenti, fost l-oħrajn mexxejja Ewropej u dawk tal-Partit Popolari Ewropew.

Tkellmet ukoll favur il-libertà u s-serħan tal-moħħ, u qalet li hu għalhekk li l-mexxejja Ewropej iridu jieħdu azzjoni kollettiva kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Rosette Thake tindirizza l-Kungress tal-EPP f’Malta