“L-integrita’ fil-politika m’għandna nċeduha qatt għax il-mument li nċedu l-integrita’ fil-politika, inkunu tlifna kollox”. Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalisa Simon Busuttil meta kien qed jiftaħ l-ewwel attivita’ uffiċjali marbuta mal-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li qed isir f’Malta.
Simon Busuttil kien qed jindirizza lill-Membri Parlamentari Ewropej li huma parti mill-Popolari Ewropew u li qed jiltaqgħu f’Malta waqt li għaddej il-Kungress tal-PPE. “Min lest iċedi l-integrita’ tiegħu biex jirbaħ fil-politika, allura postu mhuwiex fil-politiku. L-integrita’ fil-politika m’għandna nċeduha qatt. il-mument li nċedu l-integrita fil-politika nkunu tlifna kollox” qal Simon Busuttil fl-indirizz tiegħu.
F’indirizz dirett lill-MEPs preżenti, Simon Busuttil irringrazzjahom tal-appoġġ iżda fuq kollox irringrazzjahom peress li l-appoġġ tagħhom mhuwiex għal Simon Busuttil – iżda appoġġ għall-poplu Malti u Għawdxi. ‘Il-preżenza tagħkom hawnekk hija simbolu tal-fiduċja, ir-rispett u l-appoġġ tagħkom” qal Simon Busuttil. “Naf li intom qegħdin hawn biex turu appoġġ lejja. Madanakollu intom mhux qed turu appoġġ lejja, iżda lejn il-poplu Malti u Għawdxi, u ta’ dan nirringrazzjakom f’isimhom”, żied jgħid.
Simon Busuttil qal li l-mod kif Gvernijiet populisti saru jinjoraw is-sewwa u l-fatti huwa sfida li trid tiġi ffaċċjata. Madanakollu, kien iċ-Chairperson tal-PPE fil-Parlament Ewropew Manfred Weber li rrefera direttament għas-sitwazzjoni ta’ Malta, fejn il-Gvern Laburista għandu l-uniku Ministru Ewropew involut fl-iskandlu tal-Panama. “L-uniku Ministru Ewropew li jissemma fil-lista tal-Panama huwa Ministru f’Malta” nnota Weber, waqt li ddikkjara l-appoġġ tiegħu għall-politika ta’ Simon Busuttil.
Min-naħa tiegħu, dwar il-kwistjoni tal-politika serja, Simon Busuttil qal li frażi li hija relevanti anke għall-politika Ewropea hija l-frażi ‘is-sewwa jirbaħ żgur’. “Fil-Partit tiegħi, hemm frażi, hemm għajta, li dejjem għamilniha tagħna minn dejjem u llum nixtieq li naqsamha magħkom. Il-frażi li hija ta’ ispirazzjoni għall-Partit Nazzjonalista hija ‘is-sewwa jirbaħ żgur’” qal Simon Busuttil lill-MEPs miġbura. “Fil-politika, jiġri x’jiġri, anke jekk hemm min hu populist, anke jekk hemm min jarmi l-verita’, is-sewwa dejjem jirbaħ, għax is-sewwa jirbaħ żgur”, temm jgħid.
L-attivita’ li indirizza Simon Busuttil hija l-ewwel minn sensiela ta’ study groups li qed jagħmlu l-MEPs tal-PPE F’Malta waqt li jkun għaddej il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew.
//= $special ?>