Kungress EPP Malta Lokali

Il-futur tal-Ewropa diskuss waqt EPP Talks

Fl-isfond tal-Kungress tal-PPE f’Malta, ilbieraħ saru wkoll diskussjonijiet interattivi fuq livell ta’ policy bl-isem EPP Talks,b’kelliema ewlenin iwieġbu mistoqsijiet tal-udjenza.

Fost il-kelliema kien hemm id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus u l-eks-Prim Ministru tal-Iżvezja Carl Bildt.

Fl-intervent tiegħu, l-eks-Prim Ministru qal li 600 sena ilu, fil-bidu tas-seklu 15, iċ-Ċina kienet ferm iktar avvanzata mill-Ewropa f’kull qasam. L-Imperatur Ċiniż imbarka fi programm vast ta’ spedizzjonijiet u esplorazzjoni bil-għan li jespandi l-qawwa u l-influwenza Ċiniża madwar id-dinja. Iżda li ġara hu li l-Imperaturi tad-Dinastija Ming biddlu fehemthom u ħasbu li kien aħjar li ċ-Ċina tingħalaq fiha nnifisha, komda bil-kultura u s-saħħa tagħha.

Carl Bildt kompla li fl-istess żmien, l-esploraturi Vasco da Gama u Cristofro Colombo bdew il-vjaġġi ta’ skoperti li eventwalment wasslu biex il-Punent, u mhux iċ-Ċina, iddomina d-dinja.

Dak li ġara 600 sena ilu hu tagħlima għalina llum. Swieq miftuħa jwasslu għal mentalità miftuħa, u mentalità miftuħa twassal għal avvanzi fix-xjenza, l-ekonomija u t-tagħrif.

Fl-intervent tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-emarġinazzjoni taħdem bil-kontra, għaliex issaħħaħ l-esklużjoni u magħha l-perċezzjoni li l-politika u l-politiċi huma elitisti.

Hu staqsa wkoll min qed iħares il-valuri tal-UE. Ryan Callus qal li l-Parlament Ewropew waqqaf il-Kumitat PANA biex jinvestiga l-korruzzjoni fl-iskandlu tal-Panama Papers, iżda x’azzjoni ħadet il-Kummissjoni Ewropea? X’qalet il-Kummissjoni dwar il-protesti fir-Rumanija?

“X’messaġġ qed tibgħat il-Kummissjoni Ewropea meta Kummissarju joqgħod spalla ma’ spalla ma’ Ministru li nqabad b’kumpanija sigrieta fil-Panama?”, staqsa Ryan Callus. Hu qal li skont l-istħarriġ tal-Eurobarometer, il-Maltin u r-Rumeni huma fost l-iktar li għandhom fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej. Iżda hu staqsa jekk din il-fiduċja hix se tibqa’ f’dawn il-livelli fost il-popli ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi.