Kungress EPP Malta Lokali

IL-KUNGRESS TAL-PPE: X’se jiġri llum?

2 lukandi, 3 Presidenti tal-Istituzzjonijiet, 9 Kummissarji Ewropej, 12-il Kap ta' Gvern, 760 delegat, 1,500 parteċipant, 40 pajjiż

Wara xhur ta’ tħejjijiet, illum jibda l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropej (PPE) li qed isir f’Malta. Żewġ lukandi ewlenin f’San Ġiljan qed jilqgħu aktar minn 1,500 parteċipant, fosthom 760 delegat minn 40 pajjiż Ewropej. Qed jattendu 9 Kummissarji Ewropej, 3 Presidenti tal-istituzzjonijiet Ewropej u 12-il Kap ta’ Gvern. Ma’ dawn jingħaqad il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Imma l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew mhuwiex attivita’ waħda, iżda sensiela ta’ attivitajiet li se jkunu qed isiru f’żewġ lukandi: il-lukanda Hilton u l-lukanda Intercontinental. Hawn taħt hawn lista tal-attivitajiet kollha ppjanati llum marbuta mal-Kungress tal-PPE.

Il-Partit Popolari Ewropew (PPE)

Il-Partit Popolari Ewropew huwa l-akbar partit politiku Ewropew fl-Ewropa. Il-PPE huwa ffurmat minn 79 partit politiku li ġejjin minn 41 pajjiż. Fost dawn hemm il-Partit Nazzjonalista Malti. Il-Partit Popolari Ewropew huwa mmexxi mill-President Joseph Daul. Fil-Parlament Ewropew, ukoll hemm il-preżenza tal-PPE. Filfatt, il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin tal-Partit Nazzjonalista huma parti mill-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew. Fil-Parlament Ewropew, il-membri tal-PPE huma mmexxija minn Manfred Weber.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Parlament Ewropew ġejjin ukoll mill-Partit Popolari Ewropew.

Ritratt: Albert Camilleri

Il-Kungress

Il-Kungress, li se jsir fil-lukanda Intercontinental, huwa l-attivita’ ċentrali f’dawn il-jumejn. Il-plenarja tinqasam fuq jumejn (illum u għada) u matulha jitkellmu l-ogħla uffiċjali tal-Partit Popolari Ewropew. Fost dawn ikun hemm Prim Ministri. Il-mistiedna li se jitkellmu llum waqt is-sessjoni plenarja tal-Kungress huma dawn:

– Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake

– Il-Kapijiet ta’ numru ta’ Gvernijiet li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-mexxejja tal-Armenia, tal-Macedonia, tal-Kosovo, tal-Bosnia u Herzegovina u tal-Ukrajna.

– Il-Kapijiet tal-Oppożizzjoni ta’ numru ta’ pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-Kapijiet tal-Oppożizzjoni tal-Belarus, tal-Albania, tal-Gerogia u tal-Moldova

– Il-Kapijiet tal-Oppożizzjoni ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-Kapijiet tal-Oppożizzjoni tal-Olanda, tal-Iżvezja, tal-Greċja, tal-Polonja u tal-Lussemburgu.

– L-eks President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy u numru ta’ MEPs f’diskussjoni dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea. Fost dawn se titkellem l-MEP Maltija Roberta Metsola.

Attivitajiet oħra matul il-Kungress

Matul il-ġurnata kollha se jsiru numru ta’ attivitajiet oħra marbuta mal-Kungress u b’suġġetti varji, li jinkludu:

– Ir-relazzjonijiet transatlantiċi tal-Unjoni Ewropea speċjalment wara l-iżviluppi riċenti tal-2016

– L-istabbilta’ fiskali u l-prosperita’ ekonomika għal Unjoni ta’ 27 pajjiż wara l-Brexit.

– ‘Winter University’ tal-EDS (laqgħat organizzati mill-Istudenti Demokratiċi Ewropej)

– Il-futur tar-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-ġirien fin-nofsinhar u l-bini ta’ pontijiet magħhom

‘Study days’ tal-MEPs tal-PPE

Illum jibdew dawk li jissejjħu ‘study days’, laqgħat li l-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Popolari Ewropew jorganizzaw fl-istess ġranet waqt li jkun qed isir Kungress tal-PPE. Dawn l-istudy days qed isiru fil-lukanda Hilton bil-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ mistiedna minn oqsma differenti u li mhumiex MEPs. Dawn l-istudy days jgħinu fil-ħolqien tal-policies tal-MEPs tal-Partit Popolari Ewropew. Għal dawn l-istudy days se jattendu l-MEPs Maltin David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia.

Is-sala fil-lukanda Hilton fejn se jsiru l-laqgħat marbuta mal-istudy days tal-MEPs tal-PPE (Ritratt: Roberto Runza)