Kungress EPP Malta Lokali

“Joseph Muscat ċempel mexxejja tal-PPE biex jieħu ritratt magħhom” – Antonio López-Istúriz

Antonio López-Istúriz - Is-Segretarju Ġenerali tal-PPE.
Il-Kap tal-PN, Simon Busuttil sostna li l-populiżmu ma joffrix soluzzjonijiet.

Madwar diversi pajjiżi Ewropej qed jiddomina l-populiżmu li sfortunatament ma joffrix soluzzjonijiet għall-problemi li jaffaċċja l-poplu Ewropew, bħal ma ġara fil-każ ta’ Brexit. Dan sostnih il-Kap tal-PN Simon Busuttil waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza flimkien mal-President tal-PPE Joseph Daul u s-Segretarju Ġenerali tal-PPE Lopez Isturiz. Simon Busuttil qal jekk inħallu l-populiżmu jieħu kontroll tal-UE nitilfu dak kollu li sar tul is-snin fosthom il-politika Ewropea li tħaddan il-liberta’ u fuq kollox id-demokrazija b’mod sħiħ. Qal dan mingħajr m’elimna l-fatt li UE trid tisma’ aktar mix-xewqat tal-poplu Ewropew. Tkellem wkoll dwar is-sapport tal-PPE lill-PN u tenna l-impenn tiegħu li pajjiżna jkollu mill-ġdid Gvern li ġej mill-familja tal-PPE.

Minn naħa tiegħu Joseph Daul semma kif għada l-Ħamis se jsir Summit biex b’mod partikolari jindirizza l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Daul sostna li tul il-proċess ta’ Brexit li mistenni jdum mhux aktar minn sentejn il-PPE se jassigura li ċ-ċittadini Ewropej li jgħixu u jaħdmu fir-Renju Unit, madwar 3 miljun, inkluż Maltin. Qal wkoll li l-PPE se jkun qed jassigura wkoll li r-Renju Unit iħallas dak kollu dovut la darba jħalli lill-UE.

Tkellem imbagħad is-Segretarju Ġenerali Lopez Isturiz li għamel enfasi fuq il-kollaborazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi tul is-snin biex il-proġett Ewropew jirnexxi. Semma anke li diversi membri tal-PPE li jinsabu Malta bħalissa ġew ikkuntatjati mill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat biex jieħdu ritratt miegħu. Sostna li dan il-Kungress ma ġiex organizzat biex nieħdu r-ritratti imma biex il-PPE jfassal il politika tiegħu kontra l-korruzzjoni, dwar is-sigurtà u l-politika soċjali li tolqot direttament lill-poplu Ewropew.