Kungress EPP Malta Lokali

KUNGRESS PPE: In-nies jistennew Unjoni Ewropea aktar qrib tagħhom

Il-futur tal-Unjoni Ewropea diskuss waqt konferenza bejn l-APAN u l-ESU matul il-Kungress

Il-futur tal-Unjoni Ewropea kien fiċ-ċentru ta’ konferenza organizzata bejn l-APAN u l-Unjoni tal-Anzjani Ewropej (ESU) bħala parti mill-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE). Il-konferenza tmexxiet mill-President tal-APAN Mario Rizzo Naudi, li tkellem dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea, fejn qal li l-futur m’għandux ikun Ewropa ġdida, iżda Ewropa maħsuba b’mod differenti u b’aktar dinamika.

“Jeħtieġ li nieħdu ħsieb il-futur tal-Ewropa, imma wkoll tal-preżent” qal Mario Rizzo Naudi filwaqt li appella lill-PPE biex tagħmel dak kollu li hu possibbli biex iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jħarsu lejn l-Unjoni Ewropea b’tama li l-unjoni bejn il-popli tissaħħaħ u mhux tiddgħajjef.

Il-konferenza rat il-parteċipazzjoni tal-eks President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy u tal-MEPs Maltin Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia. Tkellmu wkoll numru ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista u kandidati għall-elezzjoni ġenerali.

Fost dawn tkellmet ix-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg li tkellmet dwar il-ħtieġa li fl-Unjoni Ewropea jonqsu d-diskorsi u tiżdied il-ħidma bil-fatti. Fuq l-istess binarju tkellem il-kandidat Charlo Cassar, li tkellem dwar dik li sejjaħ ‘defiċit fit-tmexxija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea’, b’Charlo Cassar jappella lill-PPE biex jagħti appoġġ akbar lil partiti politiċi li qed joffru mexxejja viżjonarji, bħall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar li tkellem dwar il-proġett Ewropew, li għandu jibqa’ l-proġett tal-poplu. “Nistgħu nqisu l-progress ta’ kemm il-proġett Ewropew miexi ‘l quddiem skont kemm il-poplu jħoss li l-Unjoni Ewropea hija viċin tagħhom” sostna Cutajar. Min-naħa tagħha, ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici tkellmet dwar l-aspett soċjali fil-proġett li l-Unjoni Ewropea trid tfassal għall-futur tagħha u l-mod kif dawk l-aktar fil-bżonn għandhom jibqgħu jkunu fiċ-ċentru tal-politika Ewropea.

Min-naħa tiegħu, il-kandidat Mark Anthony Sammut irrefera għall-Brexit fejn sostna li dan l-avveniment ma jfissirx li l-proġett Ewropew għandu jintemm, anzi għandha ssir ħidma biex jinstab bilanċ bejn l-integrazzjoni u l-għaqda fost il-pajjiżi membri u l-awtonomija reġjonali u s-sovranita’ nazzjonali.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-eks Awditur fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri Louis Galea li tkellem dwar il-ħtieġa li jsir impenn sabiex terġa’ titqanqal l-enerġija tan-nies dwar il-proġett Ewropew.

Min-naħa tiegħu, l-eks President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy wassal messaġġ pożittiv, fejn qal li d-diskors dwar il-kriżi fl-Unjoni Ewropea għandu jsir f’perspettiva ta’ sitwazzjoni li llum hija ġeneralment aħjar mis-sitwazzjoni tad-dinja u tal-Unjoni Ewropea fis-snin li għaddew.