L-Ewropa kollha għandha timxi fuq l-eżempju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u tagħmel il-politika b’mod serju. Iċ-Chairperson tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fil-Parlament Ewropew Manfred Weber qal dan waqt li kien qed jindirizza l-MEPs tal-PPE fl-ewwel attivita’ tal-bieraħ marbuta mal-Kungress tal-PPE li qed isir f’Malta.
“Simon Busuttil qed iwettaq politika serja, fejn fost oħrajn iwiegħed biss dak li jista’ jwettaq” qal Manfred Weber waqt li rrefera għar-riżultat pożittiv li kisbet l-Oppożizzjoni tal-Bulgarija x-xahar li għadda fl-elezzjoni ġenerali, fejn għelbet lill-Gvern soċjalista tal-pajjiż.
Weber irrefera wkoll għall-protesti kbar li saru kontra l-Gvern Soċjalista korrott tar-Rumanija matul il-ġimgħa li għaddiet hekk kif ir-Rumanija għadu mhuwiex pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
“Imma din mhijiex biss problema ta’ pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea. Din hija problema anke ta’ pajjiżi membri, fosthom Malta li wkoll qed titmexxa minn Gvern li għandu ħafna problemi” żied jgħid Weber, li qal lill-MEPs preżenti li f’Malta hawn l-uniku Ministru Ewropew li nqabad fl-iskandlu tal-Panama Papers.
Weber temm jgħid li għaldaqstant, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija essenzjali fil-ħidma tal-Partit Popolari Ewropew u sostna li l-PPE se jkompli jagħti l-appoġġ kollu meħtieġ lill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil.
//= $special ?>