Futbol Sport

L-Italja jkomplu jkabbru l-kriżi tal-Olanda

Franza v Spanja: Antoine Griezmann ta’ Franza fl-azzjoni kontra Spanja

F’waħda minn diversi partiti ta’ ħbiberija li ntlagħbu t-Tlieta, l-Italja kompliet tkabbar il-kriżi li tinsab għaddeja minnha l-Olanda hekk kif rebħitilha bi skor ta’ 2-1.

Fi tmiem il-ġimgħa l-Olanda tilfu kontra l-Buglarija f’partita mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u pront waslet it-tkeċċija tal-kowċ Danny Blind.

Fred Grim, li issa qed imexxi lit-tim minfloku beda b’telfa kontra l-Italja ta’ Ventura.
Kienu l-Olandiżi li fl-Amsterdam Arena fetħu l-iskor wara 10 minuti. Xutt ta’ PROMES kien devjat minn Romagnoli u l-ballun qarraq b’Donnarumma qabel spiċċa fix-xibka. Minnufih waslet ir-reazzjoni tal-Italja li ġabu d-draw minuta wara.

Din id-darba kien EDER li skurja b’xutt minn tarf il-kaxxa. Fit-32 minuta l-Italja marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ b’gowl ta’ BONUCCI li skurja minn rebound wara li Zoet kien salva tentattiv ta’ Parolo. Ta’ min jinnota li minn ħames gowls li Bonucci skurja man-nazzjonal, erbgħa minnhom waslu minn azzjoni ta’ corner.

Iċ-Champions tal-Ewropa, l-Portugall tilfu 3-2 f’darhom kontra l-Iżvezja li wettqu rimonta nkredibbli. Din kienet l-ewwel darba sa mill-1984 li l-Iżvediżi għelbu lill-Portugall.

Kollox deher li l-Portugall kienu se jiksbu rebħa faċli wara li marru 2-0 minn fuq sal-34 minuta.
L-ewwel kien is-solitu Cristiano RONALDO li fetaħ l-iskor fit-18-il minuta meta skurja mill-viċin. Ta’ min jinnota li dan kien gowl speċjali għal Ronaldo għax il-logħba ntlagħbet proprju fil-gżira ta’ Madeira, il-post li fih twieled hu.

Fl-34 minuta l-Portugall marru 2-0 minn fuq meta Martins tefa’ cross u l-ballun ġie devjat mid-difensur Granqvist qabel ma spiċċa fix-xibka tiegħu stess.

Kien fis-57 minuta meta bdiet ir-rimonta. CLAESSON irċieva mingħand Nyman u qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper Marafona. Kwarta mit-tmiem dawn ġabu d-draw b’gowl ieħor ta’ CLAESSON.
Fil-ħin miżjud kellu jkun awto-gowl ta’ Cancelo li ta r-rebħa lill-Iżvezja.

F’logħba oħra ta’ lussu Spanja rebħet 2-0 barra minn darha kontra Franza. Għal dawn tal-aħħar għamel id-debutt tiegħu mal-ewwel 11 il-plejer ta’ Monaco Kylian Mbappe li bħalissa jinsab segwit minn diversi klabbs kbar Ewropej.

L-Ispanjoli kellhom jistennew sat-68 minuta biex fetħu l-iskor minn penalty li ngħata għal fawl ta’ Koscielny fuq Deulofeu. Mill-11-il metru David SILVA ma żbaljax biex għamel l-iskor 1-0.
Kien Deulofeu li ssiġilla l-konfront b’gowl fis-77 minuta, gowl li għall-ewwel tħassar għal offside imma wara li l-uffiċjali kkonsultaw ir-replays kien ikkunsidrat validu.

Il-Belġju, t-tim immexxi minn Roberto Martinez ġie miżmuma fi draw ta’ 3-3 kontra r-Russja. Dawn tal-aħħar qed jilagħbu l-partiti ta’ ħbiberiji biex iħejju għat-Tazza tad-Dinja li se jorganizzaw huma stess sena oħra.
Kienu r-Russi li marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ VASIN imma l-Belġju skurjaw tlieta, tnejn minnhom permezz ta’ BENTEKE. Hekk kif kien fadal minuta r-Russi salvaw draw b’gowl ta’ BUKHAROV.

L-Iżlanda kisbu riżultat sorprendenti meta rebħu 1-0 barra minn darhom kontra l-Irlanda b’gowl ta’ MAGNUSSON.