Ekonomija Lokali

Mill-Air Malta se jonqsu tal-inqas sittin ħaddiem

Se jonqsu l-ħaddiema: l-aktar se jkunu bdoti u cabin crew sa Ġunju li ġej

Il-Gvern qed jippjana li jnaqqas l-istaff tal-Air Malta, l-aktar bdoti u cabin crew b’tal-inqas sittin u dan sa Ġunju li ġej.

Dan jikkonfermah pjaz li tressaq quddiem il-Ministru Edward Zammit Lewis. Skont dan il-pjan iridu jonqsu 28 bdot u first officers, u 34 cabin crew.

Ir-rapport ppreżentat quddiem il-Ministru jidħol f’dettal u saħansitra jgħid li staff tal-cockpit, iridu jonqsu b’16-il kaptan u 12-il first officer. B’dan il-mod jiġu ffrankati mat-tliet miljun ewro fis-sena.

Il-Kumpanija qed timmira wkoll li tiffranka miljun u mitejn elf ewro billi jonqsu 19-il purser u 15-il air steward.

Sa issa għadu ma hux magħruf kemm se jonqsu ground crew tal-kumpanija. Madankollu il-pjan jesiġi li dan l-operat jingħadda għand kumpanija oħra tal-Gvern u eventwalment l-Air Malta tuża s-servizz mingħand din il-kumpanija l-ġdida.

Wara theddida ta’ azzjoni industrijali, il-Ministru Edward Zammit Lewis, ilbieraħ ħabbar li se jaħtar kumitat ġdid mmexxi wkoll mill-President Emeritus George Abela, biex jinnegozjaw il-ftehim kollettiv ġdid.