Lokali

Żagħżugħ ta’ 26 sena jaqla’ daqqiet b’arma li taqta’ u bil-ponta

Dalgħodu għall-ħabta tas-siegħa u għaxra (0110hrs), il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-għajnuna tagħhom ġewwa Triq Tumas Fenech, Birkirkara.

Il-Pulizija tad-Distrett u kif ukoll dawk tar-Rapid Intervention Unit marru minnufih fil-post indikat lilhom, fejn kif waslu sabu raġel li kien ferut. Minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li ġuvni ta’ 26 sena residenti in-Naxxar, sofra ferita t’arma li taqta’ u bil-ponta.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard huwa ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.